Żieda fid-djalogu dwar it-tranżizzjoni lejn soċjetà newtrali għall-klima, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) talab li tittieħed aktar azzjoni biex tiġi protetta l-industrija Ewropea tal-ħġieġ.

Il-KESE qed jitlob lil dawk li jfasslu l-politika tal-UE biex iqiegħdu s-settur tal-ħġieġ fil-qalba tal-prijoritajiet ta’ politika attwali bħall-pakkett “Lesti għall-mira ta' 55 %”, il-Pakkett dwar l-Ekonomija Ċirkolari, l-Aġenda Diġitali, l-aġenda tal-ktajjen tal-valur strateġiċi, u l-politika kummerċjali internazzjonali tal-UE u l-istrumenti assoċjati.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) laqa' l-politiki tal-UE li jappoġġjaw l-industrija tal-ħġieġ sabiex tkun tista' ssir it-tranżizzjoni lejn soċjetà newtrali għall-klima. Huwa jara l-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni tal-UE bħala sors kbir immens ta’ opportunitajiet kummerċjali għall-ħġieġ, li twassal għal investimenti, filwaqt li tikkontribwixxi b’mod qawwi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 mill-bini. Madankollu, il-KESE rrakkomanda bil-qawwa li sseħħ ukoll tranżizzjoni tal-enerġija fi ħdan is-settur tal-ħġieġ, li se jirċievi appoġġ finanzjarju għan-nefqa kemm kapitali kif ukoll dik għall-operat u mhux se jkun espost għal kompetizzjoni inġusta minn barra s-suq tal-UE.

Fl-Opinjoni tiegħu fuq inizjattiva proprja dwar is-suġġett, adottata fis-sessjoni plenarja tiegħu ta’ Ottubru, il-KESE jappella għal azzjonijiet paralleli multipli biex l-industrija tal-ħġieġ issir aktar ekoloġika u effiċjenti fl-enerġija, filwaqt li tissaħħaħ il-kompetittività u jinżammu impjiegi ta’ kwalità.

“Il-ħġieġ jinsab kullimkien, mill-mobbiltà għall-kostruzzjoni, mid-difiża għal smartphones. Biex tisfrutta bis-sħiħ il-potenzjal tas-swieq il-ġodda tal-ħġieġ filwaqt li tlaħħaq mal-isfidi tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, l-UE teħtieġ strateġija industrijali għall-ħġieġ”, qal ir-relatur tal-opinjoni, Aurel Laurenţiu Plosceanu.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni u lill-Parlament jiżviluppaw politiki ġodda tal-UE dwar l-għanijiet klimatiċi u l-ktajjen tal-valur strateġiċi sabiex terġa’ tinbeda l-produzzjoni taċ-ċelloli fotovoltajċi fl-Ewropa u tiġi ssalvagwardjata l-produzzjoni ta’ prodotti tal-ħġieġ strateġiċi oħra u l-ktajjen tal-valur relatati.

Il-KESE innota li l-industrija tal-ħġieġ Ewropea tinsab f’salib it-toroq. Minn naħa, il-ħġieġ irid ilaħħaq mat-trasformazzjonijiet strutturali li jakkumpanjaw it-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi. Il-produzzjoni se jkollha ssir newtrali għall-karbonju u ċirkolari fi tliet deċennji, filwaqt li l-proċessi se jkunu saħansitra aktar awtomatizzati u diġitali fis-snin li ġejjin.

Min-naħa l-oħra, il-ħġieġ se jkun fuq quddiem ta’ dawk it-tranżizzjonijiet u fis-snin li ġejjin se jkun hemm opportunitajiet ġodda ta’ negozju għal ħafna prodotti tal-ħġieġ.

L-UE għandha tikklassifika l-ħġieġ bħala materjal permanenti u għandha tirrikonoxxi l-benefiċċji tiegħu fil-kontribut għal sistemi ta’ imballaġġ sostenibbli u prinċipji ta’ ekonomija ċirkolari. Hemm potenzjal kbir biex jinħolqu impjiegi ġodda fis-settur tar-riċiklaġġ tal-ħġieġ, u biex jiġu attirati ħaddiema ġodda b’talent,” qal Gerald Kreuzer, korelatur għall-Opinjoni.

Il-KESE għalhekk iħeġġeġ lill-UE tirrikonoxxi li l-ħġieġ huwa vitali għall-produzzjoni tal-enerġija ekoloġika. (ks)