Ir-rati eċċessivi ta’ mortalità matul din il-kriżi pandemika żvelaw problemi strutturali u sistemiċi fil-mudell tal-kura fid-dar tal-anzjani. Barra minn hekk, iż-żieda fl-istennija tal-għomor u ż-żieda konsegwenti fin-numru ta’ anzjani fis-snin li ġejjin, jindikaw il-ħtieġa li l-mudell tal-kura jiġi riformat.

Fost l-isfidi ewlenin identifikati matul is-seduta tal-KESE Lejn mudell ġdid ta’ kura għall-anzjani: nitgħallmu mill-pandemija tal-COVID-19 kien hemm kif jiġu garantiti aċċessibbiltà aħjar, anke mil-lat ekonomiku, u kwalita aħjar tal-kura, kif ukoll numru adegwat ta’ indokraturi b’kundizzjonijiet tax-xogħol imtejba.  L-ideat espressi f’din is-seduta ser jikkontribwixxu għal Opinjoni fuq inizjattiva proprja li qed iħejji l-Kumitat dwar din it-tema.

Ir-relatur tal-Opinjoni, Miguel Ángel Cabra de Luna, qal li “din l-Opinjoni m’għandhiex tkun approċċ komprensiv għat-tixjiħ, iżda għandha tiffoka fuq il-kwistjoni tal-kura għall-anzjani, peress li dawn kienu l-aktar milquta mill-pandemija tal-COVID-19”.

Matul is-seduta ġew ippreżentati l-mudelli ta’ kura tas-saħħa mill-Istati Membri, fejn intwerew l-approċċi differenti u d-diffikultajiet minħabba l-pandemija.

Skont ir-rapport tal-2021 dwar il-kura fit-tul imħejji mill-Kummissjoni u l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali, it-tixjiħ tal-popolazzjoni huwa mistenni li jwassal għal żieda ċara fid-domanda għall-kura fit-tul. In-numru ta’ persuni li għandhom 65 sena jew iktar huwa mistenni li jiżdied b’41 %, għal 130,1 miljun, matul it-30 sena li ġejjin.

Maciej Kucharczyk, Segretarju Ġenerali tal-AGE Platform Europe, qal li “l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ kura tajba huwa opportunità u s-servizzi huma l-mezzi biex jiġu appoġġjati l-awtonomija, l-indipendenza u l-kwalità tal-ħajja tal-persuni”.

Tuscany Bell, mill-Federazzjoni Ewropea tal-Junjins tas-Servizzi Pubbliċi, qalet li “sabiex jiġi pprovdut servizz adegwat għall-persuni li għandhom bżonn il-kura, neħtieġu kundizzjonijiet adegwati tax-xogħol u livell suffiċjenti ta’ persunal kwalifikat. Fil-verità, illum numru insuffiċjenti ta’ indokraturi qegħdin jieħdu ħsieb wisq pazjenti.”

Peress li t-tixjiħ attiv għandu natura trasversali u jmiss kemm il-politiċi ekonomiċi kif ukoll dawk soċjali, hemm bżonn ta’ koordinazzjoni bejn is-servizzi soċjali u dawk tas-saħħa, sabiex il-kura fit-tul tkun aktar aċċessibbli, u b’hekk l-anzjani jkunu jistgħu jgawdu ħajja dinjituża. (at)