Il-KESE laqa’ rappreżentanti mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili minn pajjiżi kandidati fis-sessjoni plenarja tiegħu ta’ Lulju, u ħabbar l-inizjattiva li jaħtar Membri Onorarji tat-Tkabbir u jistedinhom jipparteċipaw fil-ħidma konsultattiva ta’ kuljum tal-Kumitat

Bħala l-ewwel pass konkret lejn dak l-għan, il-KESE organizza dibattitu fis-sessjoni plenarja tiegħu ta’ Lulju dwar l-importanza tas-soċjetà ċivili fil-proċess tat-tkabbir tal-UE. Il-President tal-KESE, Röpke, iffirma wkoll Memorandum ta’ Qbil mal-Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali (KKR) biex jintlaħaq progress rigward l-impenn strutturat tas-soċjetà ċivili u ż-żgħażagħ fil-promozzjoni tal-paċi u l-prosperità fix-Xlokk tal-Ewropa.

Il-Kummissarju għall-Viċinat u t-Tkabbir, Olivér Várhelyi, faħħar l-inizjattiva tal-KESE “Membri Onorarji tat-Tkabbir” bħala mod kif il-politika tat-tkabbir tinżamm kontinwament fuq quddiem fl-aġenda tal-UE. 

Il-Prim Ministru tal-Moldova, Dorin Recean, indika li din l-inizjattiva l-ġdida mill-KESE kienet f’waqtha u ser issaħħaħ il-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili fil-Moldova. 

Majlinda Bregu, Segretarju Ġenerali tal-KKR, qalet, “Aħna fil-KKR ma nistgħux nimmaġinaw il-koordinazzjoni tal-isforzi reġjonali b’rabta mal-isfida tal-Aġenda Ekoloġika għall-Balkani tal-Punent mingħajr il-Forum Konsultattiv tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili tagħna, u lanqas il-koordinazzjoni tal-isforzi lejn suq reġjonali mingħajr il-vuċi qawwija tal-kmamar tal-kummerċ tagħna”. 

Bosko Savkovic, mill-Unjoni ta’ Min Iħaddem tas-Serbja, faħħar lis-soċjetà ċivili Serba talli ssemma’ l-opinjoni tagħha, tiġġieled id-diżinformazzjoni barranija u tfakkar lis-Serbi dwar il-prospett ta’ sħubija fl-UE. 

Oleksandr Yavorskyi, mill-Federazzjoni ta’ Min Iħaddem fl-Ukrajna, qal: “L-Ukrajna għażlet li tibda l-vjaġġ tagħha biex issir membru tal-UE ħafna qabel ma bdiet il-gwerra. L-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili tal-Ukrajna issa jeħtieġu t-taħriġ it-tajjeb biex jgħinhom fil-proċess ta’ adeżjoni mal-UE”.

Anisa Subashi, Viċi President tal-Konfederazzjoni tat-Trade Unions tal-Albanija, enfasizzat ir-rwol tat-trade unions fit-tisħiħ tad-djalogu soċjali, speċjalment fi żmien meta l-gvern Albaniż qed jagħmel sforzi biex inaqqas l-ispazju tas-soċjetà ċivili. 

Kemm Dajana Cvjetkovic, Ċentru għall-Promozzjoni tas-Soċjetà Ċivili, il-Bożnija-Ħerzegovina, u Daliborka Uljarevic, Direttur Eżekuttiv, Ċentru għall-Edukazzjoni Ċivika fil-Montenegro, appoġġjaw ir-rwol tas-soċjetà ċivili fil-proċess tat-tkabbir. “Aħna s-sinsla tas-soċjetà tagħna u l-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini tagħna. Aħna l-eqreb alleati tal-istituzzjonijiet tal-UE u din l-inizjattiva se tkompli tapprofondixxi l-kooperazzjoni tagħna” qalet is-Sinjura Uljarevic. (mt)