F’Opinjoni adottata fis-sessjoni plenarja tiegħu ta’ Lulju, il-KESE jħeġġeġ lill-UE biex tieħu approċċ komprensiv għall-politiki dwar il-materja prima. Huwa jipproponi l-espansjoni tal-listi ta’ materjali kritiċi, l-iżgurar ta’ prezzijiet ġusti tal-enerġija, is-simplifikazzjoni tal-permessi, il-prijoritizzazzjoni tar-riċiklaġġ, u l-promozzjoni tal-bini tal-kapaċità fil-politiki tal-UE dwar il-materja prima.

Iċ-Ċina bħalissa tiddomina l-provvista globali tal-materja prima kritika, filwaqt li l-Ewropa tipproduċi inqas minn 5% tal-materja prima minerali tad-dinja. Azzjoni hija imperattiva billi d-domanda għal materja prima globali se tirdoppja sal-2060.

Sabiex jiġu indirizzati dawn l-isfidi, il-KESE jirrakkomanda li tiġi estiża l-lista ta’ materja prima kritika sabiex tinkludi dawk li huma vitali għal teknoloġiji ekoloġiċi u sostenibbli u jkunu jistgħu jitwettqu politiki u investimenti mmirati, Huwa favur ukoll prezzijiet tal-enerġija ġusti, appoġġ finanzjarju, proċeduri ta’ permessi semplifikati, u sħubijiet ma’ pajjiżi oħrajn sabiex tissaħħaħ is-sigurtà tar-riżorsi u tiġi xprunata t-tranżizzjoni ekoloġika tal-UE.

Ir-relatur tal-KESE għall-Opinjoni, Maurizio Mensi, enfasizza l-ħtieġa li jiġu prijoritizzati l-irkupru u l-użu mill-ġdid tal-materja prima fil-leġiżlazzjoni dwar l-iskart bħala mod kif titnaqqas id-dipendenza fuq sorsi primarji u jiġi stimolat it-tkabbir ekonomiku. Madankollu, il-Kumitat iwissi dwar l-importanza li s-sigurtà tar-riżorsi tkun ibbilanċjata ma’ konsiderazzjonijiet ambjentali sabiex jiġu allinjati l-għanijiet ta’ sostenibbiltà tal-UE.

Il-korelatur tal-KESE, Michal Pintér, argumenta favur bini tal-kapaċità madwar l-UE kollha fl-industriji estrattivi. L-Opinjoni tappella biex issir enfasi fuq l-iżvilupp tal-kapital uman fl-industriji estrattivi, u fuq it-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol attwali sabiex jitrawwem settur tal-materja prima b’saħħtu.

Billi jiġu indirizzati b’mod kollettiv dawn l-aspetti, l-UE tista’ tagħmel tranżizzjoni li tirnexxi lejn ekonomija ekoloġika, u tqiegħed pedamenti għal settur tal-materja prima sostenibbli u kompetittiv madwar id-dinja. (gb)