Sena wara l-mandat il-ġdid tal-KESE: l-ewwel opportunità biex jittieħed rendikont

Ilkoll niftakru l-ġurnata li nedejna l-mandat il-ġdid: it-28 ta’ Ottubru 2020, fl-eqqel tal-pandemija, u l-plenarja kellha ssir online. Kollox kien surreali; il-futur deher inċert; ħadd ma kien jaf meta u kif se jinstab vaċċin, iżda rnexxilna nipproċedu b’ħidmitna.

Il-pandemija kkawżat kriżi tas-saħħa globali, li matulha miljuni ta’ nies tilfu ħajjithom, u kriżi ekonomika globali li qed nistinkaw biex negħlbu. F’dan l-istadju drammatiku, l-Unjoni Ewropea kellha s-saħħa u d-determinazzjoni li taġixxi malajr ħafna biex tieħu miżuri mingħajr preċedent. Fil-qasam tas-saħħa, l-akkwist ta’ provvisti mediċi u tagħmir protettiv u l-miżuri meħuda fir-rigward tal-vaċċin appoġġaw is-servizzi tas-saħħa nazzjonali tagħna. Mil-lat ekonomiku u finanzjarju, l-UE nediet miżuri ta’ emerġenza u finanzjament mingħajr preċedent, fosthom l-istrument SURE, biex jittaffew ir-riskji tal-qgħad, u n-NextGenerationEU, il-pjan ta’ rkupru Ewropew.

Barra minn hekk, dis-sena kienet ikkaratterizzata minn żieda f’avvenimenti relatati mat-tibdil fil-klima: nirien fi Franza, fl-Italja u fil-Greċja, għargħar fil-Belġju, fin-Netherlands u fil-Ġermanja, u t-tidwib tal-glaċieri fi Greenland. L-ambjent qisu l-ġisem tal-bniedem: qed jagħti sinjali ċari dwar l-istat ta’ saħħa tiegħu. Is-soċjetà issa qed tagħti każ ta’ dawn il-kwistjonijiet u hija aktar konxja minn qabel, u ż-żgħażagħ huma atturi ewlenin f’dawn il-battalji, bil-moviment “Il-Ġimgħa għall-Ġejjieni” li jappella lill-politiċi biex jieħdu azzjoni tanġibbli u f’waqtha biex jiżguraw futur għad-Dinja. Il-Kummissjoni Ewropea tat spinta ġdida lill-politika ambjentali tagħha bil-Patt Ekoloġiku: ninsabu fit-triq it-tajba.

Dawn l-aħħar ftit xhur kienu kkarraterizzati mit-tnedija tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa: din hija opportunità straordinarja għaċ-ċittadini biex isemmgħu leħinhom dwar l-għamla tal-Unjoni Ewropea.

Il-KESE huwa impenjat bis-sħiħ fir-rigward ta’ kull waħda minn dawn il-kwistjonijiet. Tfasslu Opinjonijiet u dikjarazzjonijiet dwar l-Unjoni tas-Saħħa, in-NextGenerationEU, il-Patt Ekoloġiku u dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u dawn intbagħtu lill-istituzzjonijiet. Iċ-ċittadini, il-ħaddiema, l-intraprendituri u s-soċjetà ċivili organizzata lkoll għandhom leħen, u dan għandu jingħata widen.

F’Settembru, il-President von der Leyen stiednet lir-rebbieħa Paralimpika Taljana, Bebe Vio, għad-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni: żagħżugħa li ġġieldet u għelbet kull xorta ta’ avversità sa minn tfulitha. Kliemha għandu jixprunana lkoll, speċjalment lill-ġenerazzjonijiet iżgħar, fil-bini ta’ Unjoni Ewropea ta’ solidarjetà u diversità: “Jekk xi ħaġa tidher impossibbli, allura tista’ sseħħ”.

Giulia Barbucci, Viċi President tal-KESE