European Economic
and Social Committee
Is-soċjetà ċivili hija kruċjali biex mill-kliem ngħaddu għall-fatti – il-President tal-KESE Christa Schweng tilqa’ l-prijoritajiet u l-ambizzjonijiet stabbiliti fid-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni
Enfasi qawwija fuq l-irkupru, l-unjoni tas-saħħa u d-diġitalizzazzjoni tal-UE, pożizzjoni soda dwar il-ħarsien tal-istat tad-dritt u enfasi fuq il-futur tal-Ewropa: il-KESE jilqa’ dawn l-aspetti tad-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni ta’ din is-sena, li huma konformi mal-prijoritajiet tiegħu.
Il-prijorità tal-KESE tibqa’ l-implimentazzjoni tar-riformi stabbiliti fil-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet tal-impjegaturi, tal-ħaddiema u tas-soċjetà ċivili inġenerali.
“L-uniku mod kif dawn ir-riformi nsarrfuhom f’azzjonijiet huwa permezz tal-involviment sħiħ tas-soċjetà ċivili organizzata,” qalet Christa Schweng, President tal-KESE.
Ir-riċerka rapida, id-disponibbiltà u l-organizzazzjoni tad-distribuzzjoni tal-vaċċini tal-COVID-19 urew li l-Ewropa qed tagħti riżultati. Unjoni tas-Saħħa ġenwina, kif enfasizzat il-President tal-Kummissjoni, Ursula von der Leyen, hija waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-mandat attwali tal-KESE.
Fir-rigward tal-investiment f’teknoloġiji futuri, il-KESE jenfasizza li l-UE għandha tiżviluppa l-viżjoni u l-istrateġija tagħha għas-sovranità diġitali, filwaqt li tibqa’ miftuħa għall-kummerċ ħieles u tappoġġja s-sistema multilaterali.
Is-Sinjura Schweng tilqa’ wkoll il-pożizzjoni soda tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-istat tad-dritt. Irridu niddefendu l-valuri Ewropej.
Għall-KESE, is-suċċess futur tal-mudell ekonomiku u soċjali tal-Ewropa se jiddependi ħafna mill-kapaċità tagħna li nissieħbu u nikkollegaw mal-bqija tad-dinja, mill-eqreb ġirien tagħna bħall-Balkani tal-Punent sal-imsieħba strateġiċi ġeopolitiċi oħrajn. (at)