Mill-pinna ta’ Arnold Puech d’Alissac, Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE

Ftit ġimgħat wara l-preżentazzjoni tal-proposta leġiżlattiva tal-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55%” – is-sett ta’ miżuri marbuta mal-Fond għall-Irkupru li permezz tiegħu l-Kummissjoni Ewropea tipproponi li tilħaq il-mira li sal-2030 l-emissjonijiet tas-CO2 jitnaqqsu b’55% – l-impjegaturi Ewropej, li bħalissa qed janalizzaw il-miżuri mħabbra, jappoġġjaw bis-sħiħ id-direzzjoni meħuda, iżda madankollu għandhom mistoqsijiet dwar bosta punti prattiċi.

L-industrija Ewropea diġà tinsab fuq quddiem nett fl-investimenti fl-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli, fl-idroġenu u l-qbid u ħżin tas-CO2. Għal din ir-raġuni, huwa essenzjali li jiġi evitat approċċ ideoloġiku akkost ta’ kollox. Approċċ bħal dan ittieħed diversi drabi miż-żewġ naħat fir-rigward tal-kwisjonijiet klimatiċi u tal-enerġija marbuta mal-Patt Ekoloġiku, u għandu r-riskju li jkun ta’ ħsara b’mod irriversibbli għas-setturi tal-produzzjoni kollha, li jqiegħed f’riskju kbir lill-impjieg u s-soċjetà, u potenzjalment jimmina l-irkupru ekonomiku.

B’mod partikolari, għandu jiġu rrimarkat li, skont xi stimi, l-mira ta’ 55% tista’ tinvolvi investimenti li jammontaw għal aktar minn EUR 3.5 triljun sal-2030, filwaqt li r-riżorsi pubbliċi disponibbli huma inqas minn EUR 1 triljun, jew inqas minn terz l-ammont meħtieġ.

Huwa importanti li jiġi mifhum li l-industrija Ewropea, bl-innovazzjoni teknoloġika fil-prodotti u l-proċessi ta’ produzzjoni, hija s-soluzzjoni u mhux l-ostaklu sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ dekarbonizzazzjoni. Ma hemmx biżżejjed fondi għat-trasformazzjoni ekoloġika tas-settur industrijali fil-programmi nazzjonali ta’ riforma.

Għaldaqstant, huwa vitali li tittieħed azzjoni billi jiġi stabbilit qafas regolatorju armonizzat u flessibbli sabiex jinkiseb suq tal-enerġija tassew integrat, billi jiġu żgurati kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fir-rigward ta’ pajjiżi li ma jikkondividux l-għanijiet klimati tal-Kummissjoni, b’mod partikolari fis-setturi b’intesività ta’ emissjonijiet, u billi jiġu implimentati politiki ta’ investiment u innovazzjoni sabiex l-ekosistemi industrijali Ewropej isiru aktar reżiljenti u dinamiċi teknoloġikament.

Aqra l-artikolu sħiħ hawn europa.eu/!QC7Fpd