Il-KESE jispjega r-rwol ewlieni tal-kummerċ fil-promozzjoni ta’ rkupru ekonomiku sostenibbli mill-kriżi tal-COVID-19

Fis-sessjoni plenarja tiegħu ta’ Lulju, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) adotta Opinjoni dwar l-aħħar rapport li ħarġet il-Kummissjoni Ewropea dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles (FTAs), li jkopri l-2018. Il-KESE jispjega r-rwol ewlieni tal-kummerċ biex “jippromovi rkupru ekonomiku sostenibbli mill-kriżi u jippermetti lill-kumpaniji jibnu mill-ġdid u jorganizzaw mill-ġdid il-ktajjen tal-valur tagħhom, li sofrew tfixkil”. Fl-istess ħin, jinnota b’dispjaċir li l-ħidma ta’ monitoraġġ tas-soċjetà ċivili għadha fil-biċċa l-kbira mhux inkluża fir-rapport ta’ implimentazzjoni.

Fl-Opinjoni tiegħu, il-KESE jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE jisiltu tagħlimiet importanti mis-sitwazzjoni attwali. Dawn jinkludu l-ħtieġa li jiġu restawrati ktajjen ta’ provvista globali aktar reżiljenti, diversifikati u responsabbli u li jiġu żviluppati mekkaniżmi aktar b’saħħithom “biex jagħtu riżultati f’termini ta’ aġenda dwar il-kummerċ u l-investiment sostenibbli fid-dimensjonijiet kollha tagħha”. Il-KESE b’mod partikolari jinnota b’dispjaċir li l-ħidma li saret mill-gruppi konsultattivi domestiċi (DAGs) biex jimmonitorjaw l-impatt tal-ftehimiet fuq il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli (TSD) hija fil-biċċa l-kbira assenti mir-rapport. Il-KESE jitlob li d-DAGs “għandhom jissaħħu biex ikunu jistgħu jwettqu b’suċċess il-kompiti ta’ monitoraġġ tagħhom” u jesprimi t-tħassib tiegħu “minħabba li l-kapitoli tat-TSD bħalissa m’għandhomx għodod ta’ infurzar vinkolanti”.(dgf)