European Economic
and Social Committee
L-attivitajiet tal-KESE matul il-Presidenza Ċeka: Lulju-Diċembru 2022
Fuljett li għadu kif ġie ppubblikat jistabbilixxi kif il-KESE beħsiebu jgħin biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Presidenza Ċeka li jmiss.
Il-Presidenza Ċeka tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea se jkollha tindirizza mhux biex il-kriżi umanitarja kkawżata mill-gwerra fl-Ukrajna, imma anke l-konsegwenzi ekonomiċi li l-kunflitt qed iġib miegħu. L-isfida hija akbar peress li l-Ewropa għadha ma rkupratx kompletament mill-kriżi li ġabet magħha l-pandemija tal-COVID-19.
Il-Presidenza li jmiss beħsiebha tiffoka l-isforzi tagħha fuq l-iżgurar tas-sigurtà tal-enerġija, l-iżvilupp tar-reżiljenza strateġika tal-ekonomija tal-UE u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ difiża u taċ-ċibersigurtà fl-Ewropa. Fl-istess ħin, ser ikollha tindirizza kwistjonijiet relatati mal-ġestjoni tal-kriżi tar-refuġjati u l-irkupru tal-Ukrajna.
L-istat tad-dritt u r-reżiljenza tal-istituzzjonijiet demokratiċi ser ikunu wkoll fil-qalba tal-prijoritajiet tal-Presidenza li jmiss.
Il-Presidenza Ċeka se jkollha wkoll rwol ieħor importanti x’taqdi fl-iżgurar ta’ segwitu adatt, trasparenti u sostanzjali għall-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa.
Il-KESE huwa determinat li jaħdem mill-qrib mal-Presidenza Ċeka dwar dawn l-objettivi konġunti. Fuljett li għadu kif ġie ppubblikat jiddeskrivi l-mod li bih kull waħda mis-sezzjonijiet tematiċi tal-KESE qed tippjana li tikkontribwixxi fl-oqsma ta’ politika tagħha. Il-fuljett jenfasizza wkoll il-kwistjonijiet li dwarhom il-Presidenza Ċeka talbet speċifikament lill-KESE jipprovdi l-għarfien espert tiegħu. Il-Kumitat se jagħmel ħiltu biex jiżgura li leħen l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Ewropea jinstema’ matul il-Presidenza kollha.
Il-fuljett huwa disponibbli bl-Ingliż, il-Franċiż, il-Ġermaniż u ċ-Ċek mis-sit web tal-KESE. Kopji stampati jistgħu jinkisbu minn: vipcese@eesc.europa.eu. (fgr)