European Economic
and Social Committee
Il-KESE jappoġġja politika kummerċjali tal-UE miftuħa, sostenibbli u assertiva
L-istrateġija kummerċjali l-ġdida mnedija mill-Kummissjoni toffri prinċipji ta’ impenn li se jappoġġjaw lill-UE fil-kisba tal-objettivi tal-politika interna u esterna. Barra minn hekk, il-modernizzazzjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) se tkun fundamentali biex jinkisbu riżultati għall-ġenerazzjonijiet futuri.
“Jeħtieġ li jkollna approċċ ċar, inkunu miftuħa u assertivi, sabiex intejbu l-involviment tal-partijiet interessati fil-politika kummerċjali peress li n-narattiva tal-kummerċ internazzjonali qiegħda tinbidel”, qal Timo Vuori, relatur tal-Opinjoni tal-KESE dwar ir-rieżami tal-politika kummerċjali.
Issa huwa ż-żmien li l-Ewropa twarrab l-inġenwità u tadotta profil aktar assertiv meta l-UE tiddefendi b’mod unilaterali l-valuri u l-impenji kummerċjali proprji. Fejn id-WTO ma tistax taġixxi jew twettaq bis-sħiħ, l-UE għandha tkun tista’ sserraħ fuq firxa wiesgħa ta’ Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles li jirriflettu l-prinċipji Ewropej u l-istandards internazzjonali kondiviżi ma’ ekonomiji ewlenin u emerġenti fil-kummerċ internazzjonali.
Kif isostni l-korelatur tal-Opinjoni, Christophe Quarez, “Il-ħidma kollha jeħtieġ li titqiegħed fil-kuntest tal-multilateriżmu u r-riforma tad-WTO”.
Il-KESE jaqbel li l-modernizzar tad-WTO hija prijorità ewlenija. L-UE jeħtiġilha għalhekk tieħu rwol ta’ tmexxija fir-riformi ambizzjużi tad-WTO billi tkisser it-tabùs dwar l-aspetti soċjali u klimatiċi tal-kummerċ.
Politika kummerċjali li tagħti riżultati lin-nies
Il-KESE jilqa’ l-aġenda tal-kummerċ, li twieġeb għal uħud mit-tħassib tal-partijiet interessati. Madankollu, hija ma tqisx sew kif jista’ jittejjeb l-involviment tas-soċjetà ċivili.
Il-Kumitat jenfasizza l-ħtieġa ta’ kooperazzjoni kontinwa mas-soċjetà ċivili fil-livell nazzjonali u tal-UE, u li jiġi żgurat li l-politika kummerċjali żżid il-valur għall-ħajja tagħna ta’ kuljum.
Is-soċjetà ċivili saret imsieħeb attiv fil-politika kummerċjali, mit-tfassil sal-monitoraġġ tal-għodod u l-ftehimiet kummerċjali.
Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ li l-UE jkollha rwol attiv fit-tfassil tar-regoli globali għal kummerċ aktar sostenibbli u ġust li jwassal għal prosperità u sigurtà mhux biss għall-imsieħba kummerċjali iżda wkoll għall-pajjiżi u l-poplu tagħhom. (at)