mill-Grupp tal-Ħaddiema tal-KESE

Għadd kbir ta’ membri tal-Grupp tal-Ħaddiema tal-KESE ħadu sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet għall-50 anniversarju tal-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (KETU).

Iċ-ċelebrazzjonijiet saru mit-23 sas-26 ta’ Mejju 2023 f’Berlin, il-Ġermanja, bħala parti mill-Kungress tal-KETU.

Il-maġġoranza tal-organizzazzjonijiet tat-trade unions rappreżentati fi ħdan il-Grupp tal-Ħaddiema tal-KESE huma membri tal-KETU. Il-Grupp tal-Ħaddiema ser ikompli jibni fuq il-kooperazzjoni mal-KETU fis-snin li ġejjin bħala waħda mill-prijoritajiet tiegħu, billi t-tnejn li huma huma alleati naturali fil-promozzjoni u d-difiża tal-interessi tal-ħaddiema.

Membri tal-Grupp tal-Ħaddiema u l-president il-ġdid tiegħu, Lucie Studničná, ħadu sehem f’taħdidiet kruċjali waqt il-Kungress dwar kwistjonijiet bħat-tiġdid tat-trade unions u l-futur tax-xogħol u l-futur tal-Ewropa. Il-kwistjoni tal-elezzjonijiet tal-UE li ġejjin kienet prijorità fuq l-aġenda: il-koordinazzjoni bejn it-trade unions u bejn il-Grupp tal-Ħaddiema u l-KETU ser tkun importanti sabiex in-nies jiġu mobilizzati jivvutaw għal demokratiċi progressivi madwar l-UE.

Kwistjonijiet ewlenin oħra diskussi kienu jinkludu l-intelliġenza artifiċjali fil-post tax-xogħol, l-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva dwar Pagi Ugwali, l-iżgurar ta’ tranżizzjoni doppja li hija ġusta għall-ħaddiema kollha u żieda fis-sħubija fit-trade unions bħala barriera kontra l-firxa tal-lemin estrem.

Il-Kungress eleġġa t-tim ta’ tmexxija l-ġdid tal-KETU. Adotta wkoll il-manifest tiegħu u l-Programm ta’ Azzjoni tal-KETU għall-2023-2027. (mg)