European Economic
and Social Committee
Il-KESE jippreferi Fond Ewropew għas-Sovranità minflok sussidji nazzjonali
F’Opinjoni esploratorja dwar it-30 anniversarju tas-suq uniku, il-KESE appoġġja l-idea tal-Kummissjoni ta’ fond tal-UE li jiġbor flimkien ir-riżorsi għall-investiment fi proġetti ewlenin tat-teknoloġija ekoloġika pjuttost milli jillaxka r-regoli tal-kompetizzjoni.
L-illaxkar tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat biex l-industriji Ewropej jiġu protetti mill-kompetizzjoni mill-Istati Uniti fejn għadu kif ġie adottat l-Att dwar it-Tnaqqis tal-Inflazzjoni jista’ joħloq asimetriji bejn l-Istati Membri ogħna, bħall-Ġermanja, li jistgħu jissussidjaw l-industriji tagħhom, u l-Istati Membri b’inqas spazju fiskali li ma jistgħux jagħmlu dan. Dan enfasizzah il-KESE f’rapport ġdid li jagħti rendikont tat-30 sena tas-suq uniku u li jħares lejn il-futur.
“Fond Ewropew għas-Sovranità huwa l-aqwa mod biex nagħtu spinta ġdida lill-politika industrijali Ewropea u l-investiment fit-teknoloġiji ekoloġiċi,” qal ir-relatur Felipe Medina Martín mill-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE, li enfasizza wkoll il-ħtieġa li jiġu rieżaminati u rifomati r-regoli attwali dwar l-għajnuna mill-Istat.
“Irid ikun hemm riflessjoni dwar il-kriterji għall-allokazzjoni tal-għajnuna mill-Istat, l-effetti u s-siwi tagħhom,” qal ir-relatur. “Nafu li ċerti setturi setgħu jibbenefikaw mill-għajnuna mill-Istat u mid-derogi u l-eżenzjonijiet fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, iżda kien hemm setturi oħra li ma setgħux jagħmlu dan. Jekk iżżid dan mal-iżbilanċi bejn l-Istati Membri tispiċċa b’differenzi kbar ħafna fil-kompetittività fi ħdan l-UE.”
Ir-rapport tal-KESE jenfasizza li s-suq uniku bla dubju kien wieħed mill-akbar kisbiet politiċi, ekonomiċi u soċjali tal-UE, iżda jrid jibqa’ proġett li dejjem jevolvi, li jibqa’ jadatta għar-realtijiet li jinbidlu u jindirizza l-isfidi li ġejjin.
Fost dawn l-isfidi għandha tingħata l-ogħla prijorità lill-awtonomija strateġika miftuħa: il-provvista u l-kummerċ u l-enerġija u l-materja prima kritika għandhom ikunu prijoritajiet ewlenin u l-ftehimiet mal-pajjiżi li għandhom l-istess prinċipji u valuri huma approċċ li ta’ min jadottah f’dan ir-rigward.
Fi ħdan is-suq intern, il-KESE jirreferi għall-fatt inkwetanti li ħafna mill-piż regolatorju għadu qed jinħoloq fil-livell tal-Istati Membri, peress li r-regoli nazzjonali jidħlu fis-seħħ qabel ma jitressqu l-inizjattivi tal-UE, li jfixkel l-armonizzazzjoni u potenzjalment jikkawża distorsjonijiet fis-suq uniku. Biex dan jiġi evitat, il-KESE jissuġġerixxi li l-UE tfassal il-leġiżlazzjonijiet tagħha b’mod aktar proattiv u rapidu.
Mill-perspettiva tal-ħaddiema, il-KESE jixtieq li l-miżuri li jippromovu l-kompetittività u s-sostennibbiltà tan-negozji jkunu akkumpanjati minn miżuri li jipproteġu l-kwalità tal-impjieg u jiżguraw id-drittijiet taċ-ċittadini, il-protezzjoni tal-konsumatur u kundizzjonijiet ġusti għall-intrapriżi żgħar.
“Id-dinja qed tinbidel u l-paradigma li ntużat għas-suq uniku tul dawn l-aħħar 30 sena se jkollha tinbidel ukoll, x’aktarx b’mod radikali, jekk irridu negħlbu l-isfidi ġeopolitiċi l-ġodda,” enfasizza l-korelatur Angelo Pagliara, mill-Grupp tal-Ħaddiema tal-KESE. “Biex niggarantixxu kompetittività ġenwina, irridu niġġieldu kull forma ta’ dumping – dumping soċjali, fiskali u ta’ kull tip. Dan għaliex id-dumping huwa għodda li jdgaħjjef il-kompetizzjoni.”
Dan ir-rapport ġenerali se jiġi segwit minn Opinjonijiet li jindirizzaw kwistjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw is-suq uniku. (dm)