Żieda qawwija fit-tħaddim tat-tfal u x-xogħol furzat, kif ukoll l-isfruttament kontinwu tal-ħaddiema madwar id-dinja jagħmlu l-azzjoni tal-UE dwar xogħol deċenti dejjem aktar urġenti.

Is-seduta dwar “Xogħol deċenti madwar id-dinja”, li saret fl-4 ta’ Mejju, laqqgħet flimkien membri tal-KESE, rappreżentanti mill-istituzzjonijiet Ewropej u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), kif ukoll akkademiċi u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

Is-seduta saret biex jinġabar il-kontribut għall-Opinjoni li jmiss tal-KESE dwar is-suġġett, b’enfasi fuq il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Xogħol Deċenti madwar id-Dinja, adottata fi Frar, u l-proposta tagħha għal Direttiva dwar id-Diliġenza Dovuta tas-Sostenibbiltà Korporattiva.

B’dawn l-inizjattivi, il-Kummissjoni qed tistinka biex tippożizzjona lill-UE bħala promotur ta’ xogħol deċenti, kemm f’darha kif ukoll madwar id-dinja, u biex tippermetti lil miljuni ta’ nies jaħdmu u jgħixu b’dinjità.

“Għandna ħolma ta’ ġejjieni fejn ix-xogħol huwa deċenti. Iżda x-xogħol deċenti għadu mhuwiex realtà għal mijiet ta’ miljuni ta’ nies madwar id-dinja, li jagħmel il-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli kompitu diffiċli”, qalet ir-relatur tal-Opinjoni tal-KESE, María del Carmen Barrera Chamorro.

Il-pandemija tal-COVID-19 kompliet taggrava s-sitwazzjoni fid-dinja tax-xogħol, b’ħafna pajjiżi jirrapportaw żieda qawwija fil-kundizzjonijiet prekarji tax-xogħol. Dan affettwa b’mod sproporzjonat lin-nisa u lill-gruppi vulnerabbli bħat-tfal u l-ħaddiema fl-ekonomija informali. L-għadd ta’ tfal involuti fix-xogħol kien beda tiela’ saħansitra qabel il-pandemija, peress li fil-perjodu ta’ bejn l-2016 u l-2020 rajna żieda ta’ aktar minn 8 miljuni, wara li kien naqas preċedentement.

Bħalissa dan jgħodd 160 miljun tifel u tifla, jew wieħed minn kull għaxart itfal madwar id-dinja. 25 miljun persuna qed jesperjenzaw sitwazzjoni ta’ xogħol furzat. Fin-nuqqas ta’ kopertura suffiċjenti tal-protezzjoni soċjali, 46 miljun tifel u tifla addizzjonali jistgħu jisfaw vittmi tat-tħaddim tat-tfal fil-futur qrib.

L-għan tal-isforz tal-UE huwa li tħeġġeġ imġiba korporattiva sostenibbli u responsabbli fis-swieq domestiċi, f’pajjiżi mhux tal-UE u tul il-ktajjen tal-valur globali. L-għodod ewlenin se jkunu l-politiki tal-UE għar-responsabbiltà korporattiva u t-trasparenza. Huwa ppjanat ukoll strument legali li jipprojbixxi prodotti magħmula minn xogħol furzat. Il-politiki kollha se jippromovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u n-nondiskriminazzjoni.

“Aħna nilqgħu l-inizjattiva tal-Kummissjoni, iżda jeħtieġ li jkollna aġenda aktar ambizzjuża u politika integrata bbażata fuq id-drittijiet universali tal-bniedem. Ix-xogħol deċenti huwa fl-interess tan-nies, iżda wkoll tal-kumpaniji, il-konsumaturi u l-pjaneta “, temmet tgħid is-Sinjura Barrera Chamorro. (ll)