Fit-taqsima tagħna “Mistoqsija lil...”, aħna nistaqsu lill-membri tal-KESE biex iwieġbu mistoqsija topika li tidhrilna li hija partikolarment rilevanti.
Għall-edizzjoni ta’ Mejju/Ġunju, tlabna lil Laurenţiu Plosceanu, President tas-Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, biex jikkummenta dwar il-kwistjonijiet soċjali diskussi fis-Summit Soċjali ta’ Porto, b’mod partikolari fil-kuntest tal-ħidma tal-KESE fis-snin li ġejjin.
“Ma hemm l-ebda dimensjoni soċjali mingħajr pedament ekonomiku sod.”
Mistoqsija tal-KESE Info: Fis-7 u t-8 ta’ Mejju, il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern u l-imsieħba soċjali attendew is-Summit Soċjali f’Porto, li ntlaqa’ bħala mument potenzjalment storiku għall-impenn tal-Ewropa favur id-drittijiet soċjali. L-għan kien li jingħata impetu politiku b’saħħtu lill-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tiegħu, bil-għan li tingħata spinta lill-impjiegi u jiġu żgurati opportunitajiet indaqs u protezzjoni soċjali għal kulħadd. Fir-rigward tal-eżiti ta’ dan is-summit u l-kwistjonijiet soċjali diskussi fih, liema kompiti tqis li huma l-aktar importanti għall-KESE fis-snin li ġejjin?