Is-Summit Soċjali ta’ Porto jirrappreżenta stadju importanti għall-Ewropa

Fit-28 ta’ April, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) kellu skambju ta’ fehmiet mal-Kumissarju għall-Impjiegi u d-Drittijiet Soċjali, Nicolas Schmit, dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u dwar is-Summit Soċjali ta’ Porto, fejn il-pjan ġie diskuss fl-ogħla livell.

Matul id-dibattitu, li sar waqt is-sessjoni plenarja virtwali tal-KESE, il-Kumitat ppreżenta u adotta riżoluzzjoni dwar il-kontribut tiegħu għas-Summit ta’ Porto, bit-titolu Is-soċjetà ċivili Ewropea taħdem fi sħubija għall-futur sostenibbli tagħna.

Fir-riżoluzzjoni, il-KESE jsostni li s-Summit ta’ Porto jippreżenta stadju importanti u “opportunità biex jintwera li l-UE u l-Istati Membri jaġixxu flimkien maċ-ċittadini tagħha u għall-benesseri tagħhom, u b’hekk ħadd ma jitħalla jibqa’ lura”.

Skont il-KESE, il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali ma setgħax ikun aktar f’waqtu fil-kuntest tal-irkupru ta’ wara l-pandemija. Iċ-ċittadini kollha, inklużi l-aktar persuni vulnerabbli, iridu jkunu jistgħu jipparteċipaw fil-viżjoni u l-implimentazzjoni futura tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, jidentifikaw u jsibu tama fiha, permezz tal-involviment attiv tas-soċjetà ċivili.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet Ewropej jieħdu azzjoni fuq diversi fronti. Dan jinkludi żieda fir-reżiljenza soċjali tal-ekonomiji Ewropej u tisħiħ tat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi.

Il-President tal-KESE Christa Schweng qalet: “Dan is-Summit huwa pass ’il quddiem biex in-nies jitpoġġew fil-qalba tal-politiki tal-UE. Permezz tal-ħidma tiegħu, il-KESE jimmira li jikkontribwixxi għall-irkupru u għat-tħejjija ta’ soċjetajiet u ekonomiji aktar ekoloġiċi u aktar diġitali bl-aħjar mod li nistgħu, billi nużaw l-ideat u r-rakkomandazzjonijiet tas-soċjetà ċivili organizzata”.

Is-Sur Schmit iddeskriva l-pjan ta’ azzjoni bħala “pjan għan-nies”, filwaqt li żied jgħid li huwa intiż biex itejjeb il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tal-gruppi l-aktar żvantaġġati u vulnerabbli tas-soċjetà, bħan-nisa, it-tfal, iż-żgħażagħ u l-persuni b’diżabbiltajiet. L-enfasi hija fuq il-promozzjoni ta’ ambjent aktar soċjali u investiment fin-nies bħala prerekwiżit għall-kompetittività u l-innovazzjoni.

“L-ekonomiji mhux se jistgħanew, u t-tranżazzjoni diġitali u dik ekoloġika mhux se jkunu ta’ suċċess, jekk in-nies ma jkunux b’saħħithom, edukati u mħarrġa biżżejjed. Irridu nenfasizzaw li l-mudell soċjali tagħna mhuwiex ta’ piż, iżda huwa karatteristika u riżorsa distintiva li tippermettilna ninnavigaw il-pandemija aħjar minn reġjuni oħra fid-dinja”, sostna s-Sur Schmit.

Madankollu, huwa enfasizza li l-Kummissjoni hija konxja tad-diviżjoni tal-kompetenzi bejn il-livelli nazzjonali u tal-UE, u ma għandha l-ebda ħsieb li tilleġiżla f’oqsma li ma jaqgħux fil-kompetenza tagħha. Dan japplika speċjalment għall-mod li bih jeħtieġ li jintlaħqu l-miri, kif definit mill-gvernijiet tal-Istati Membri. (ll)