L-istrateġija l-ġdida tal-UE dwar iċ-ċibersigurtà hija pass ’il quddiem

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew laqa’ l-pakkett il-ġdid propost ta’ miżuri dwar iċ-ċibersigurtà tal-UE iżda indika dgħufijiet fl-indirizzar tad-diskrepanza kbira fil-ħiliet ċibernetiċi tal-Ewropa. Fil-fehma tal-KESE, l-entitajiet kritiċi jeħtieġu wkoll razzjonalizzazzjoni, semplifikazzjoni u linji gwida aktar ċari għall-applikazzjoni.

F’Opinjoni li ġiet adottata fil-plenarja tiegħu ta’ April, il-KESE laqa’ l-istrateġija ġdida tal-UE dwar iċ-Ċibersigurtà bħala pass pożittiv għall-protezzjoni tal-gvernijiet, il-persuni u n-negozji mit-theddid ċibernetiku, u għas-salvagwardja tat-tkabbir ekonomiku – qasam fejn jidher li l-UE hija vulnerabbli ħafna, bl-impatt ekonomiku taċ-ċiberkriminalità stmat li huwa 0,84 % tal-PDG, meta mqabbel ma’ 0,78 % fl-Amerika ta’ Fuq.

Madankollu, il-KESE jenfasizza li hemm nuqqas kritiku ta’ ħiliet fil-qasam taċ-ċibersigurtà fl-Ewropa u li l-istrateġija mhux ser tkun biżżejjed biex tindirizzah. Id-domanda għall-professjonisti taċ-ċibersigurtà ilha tikber f’dawn l-aħħar snin u żdiedet ħafna matul il-pandemija.

Iżda n-numru ta’ rwoli miftuħa huwa akbar mill-għadd ta’ professjonisti biex jimlewhom: il-postijiet tax-xogħol battala fil-qasam taċ-ċibersigurtà fl-UE huma mistennija li jilħqu mill-inqas 200 000 sal-2022.

“Huwa ċar li l-UE għandha bżonn urġenti ta’ professjonisti mħarrġa li jaħdmu fi rwoli taċ-ċibersigurtà kemm fis-settur privat kif ukoll f’dak pubbliku għas-sigurtà tal-individwi, tan-negozji u tal-UE”, qal Philip von Brockdorff, ir-relatur tal-Opinjoni tal-KESE dwar l-istrateġija. “Huwa għalhekk li l-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li jkun hemm Perkors tal-Karrieri fiċ-Ċibersigurtà armonizzat biex jgħin biex tiġi indirizzata d-diskrepanza dejjem akbar fil-ħiliet madwar l-UE.”

L-Istati Uniti żviluppaw Għodda għall-Perkorsi tal-Karrieri fiċ-Ċibersigurtà biex tingħata għajnuna lin-nies meta jikkunsidraw karriera fiċ-ċibersigurtà biex jidentifikaw, jiżviluppaw u jinnavigaw tul il-perkors ta’ karriera rilevanti. L-Ewropa tista’ tiżviluppa Għodda għall-Perkorsi tal-Karrieri fiċ-Ċibersigurtà tagħha stess applikabbli fl-UE kollha, issuġġerixxa l-KESE, biex tgħin fit-taħriġ ta’ forza tax-xogħol taċ-ċibersigurtà b’ħiliet komparabbli fl-Ewropa u li tkun kapaċi tiċċaqlaq bejn il-fruntieri u tissodisfa d-domanda f’din l-industrija b’rata għolja ta’ tkabbir madwar il-blokk.

F’Opinjoni oħra adottata fil-plenarja ta’ April, imfassla minn Maurizio Mensi, il-KESE laqa’ ż-żewġ proposti tal-Kummissjoni biex l-entitajiet pubbliċi u privati kritiċi jsiru aktar reżiljenti għat-theddid minn attakki ċibernetiċi u fiżiċi, filwaqt li indika l-ħtieġa li tissaħħaħ il-kapaċità tal-industrija u tal-innovazzjoni b’mod inklużiv permezz ta’ strateġija bbażata fuq erba’ pilastri: il-protezzjoni tad-data, id-drittijiet fundamentali, is-sigurtà u ċ-ċibersigurtà.

Madankollu, fl-interess tar-razzjonalizzazzjoni u s-semplifikazzjoni, il-Kumitat jitlob li ż-żewġ proposti jingħaqdu f’test wieħed, peress li huma marbutin mill-qrib u komplementari (waħda tiffoka primarjament fuq iċ-ċibersigurtà u l-oħra fuq is-sigurtà fiżika) u xi wħud mid-dispożizzjonijiet jikkoinċidu.

B’referenza għall-kamp ta’ applikazzjoni, il-Kumitat jenfasizza li hemm bżonn ta’ linji gwida speċifiċi u aktar ċari biex jiġu identifikati b’mod preċiż l-entitajiet “kritiċi” marbuta bid-Direttiva proposta. Fil-kummenti tiegħu dwar dan is-Sur Mensi qal: “Il-kriterji biex issir distinzjoni bejn entitajiet “essenzjali” u “importanti” fis-setturi identifikati bħala kritiċi għall-ekonomija u s-soċjetà jeħtieġ jiġu definiti aħjar. Irridu niżguraw li approċċi mhux allinjati fil-livell nazzjonali ma jirriżultawx f'ostakli għall-kompetizzjoni u għall-moviment liberu ta' oġġetti u servizzi, bir-riskju li jagħmlu ħsara lill-intrapriżi u lill-kummerċ.” (dm/mp)