European Economic
and Social Committee
Il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa tirrikonoxxi bis-sħiħ ir-rwol ċentrali tal-KESE
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew intalab jingħaqad mal-korp ewlieni tal-Konferenza li għandu jwitti t-triq tal-iżvilupp futur tal-UE.
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, fil-linji gwida politiċi tagħha ta’ Lulju 2019 għall-Kummissjoni li kienet għadha se tieħu l-mandat, appellat għal Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jgħidu tagħhom dwar l-iżvilupp futur tal-UE.
Fuq dan ġiet iffirmata Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa fl-10 ta’ Marzu 2021 mill-Presidenti tat-tliet istituzzjonijiet prinċipali tal-UE (il-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill tal-UE), li ddefinixxew il-kamp ta’ applikazzjoni preċiż tagħha (impenn maċ-ċittadini), il-kontenut (il-ksiba tat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali u t-tisħħ tar-reżiljenza, il-kompetittività u s-solidarjetà tal-Ewropa) u l-iskeda taż-żmien (il-konklużjonijiet għandhom jkunu lesti sar-rebbiegħa 2022).
Il-Bord Eżekuttiv huwa l-pilastru tal-governanza tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, peress li jara l-ħidma tal-Konferenza u jirrapporta direttament lill-plenarja tal-Konferenza.
Il-KESE, bħala dar is-soċjetà ċivili Ewropea u l-pont bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u s-soċjetà ċivili organizzata, ġie mistieden jingħaqad mal-Bord Eżekuttiv.
Christa Schweng, President tal-KESE, ħadet sehem fil-laqgħat kollha tal-Bord Eżekuttiv.
Sadanittant, il-KESE qiegħed jirfina l-kontribut tiegħu għall-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, u jista’ jiddependi fuq mill-inqas tliet aspetti b’saħħithom ewlenin:
- it-329 membru li ġejjin mill-aspetti kollha tal-ħajja (impjegaturi, trade unions u s-soċjetà ċivili b’mod ġenerali) u mis-27 Stat Membru;
- in-network stabbilit tiegħu mal-kunsilli ekonomiċi u soċjali nazzjonali; u
- il-Grupp ta’ Kuntatt tiegħu, network ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, li, filwaqt li mhux rappreżentant direttament fil-KESE, għandu rabtiet b'saħħithom miegħu, u b’hekk iżid il-viżibilità tiegħu.
Il-KESE huwa konvint, iktar minn qatt qabel, li permezz ta’ kontributi speċifiċi u konkreti għall-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, jista’ jagħmel differenza, u jiżgura li leħen is-soċjetà ċivili Ewropea ser jinstema’ b’mod ċar u tond. (sm)