European Economic
and Social Committee
Biddel is-sistema jekk trid twaqqaf it-tibdil fil-klima, jingħata messaġġ lill-KESE
Fl-20 ta’ Marzu, il-KESE ospita avveniment sekondarju virtwali flimkien ma’ L-Ewropa Tiegħek, Leħnek! Dwar Infasslu l-bidla sistemika, fejn laqqa’ flimkien diversi esperti, attivisti u influwenzaturi biex jaqsmu l-għarfien espert tagħhom dwar l-azzjoni klimatika fil-kuntest ta’ bidla sistemika.
L-avveniment kien ippresedut mill-Viċi President tal-KESE responsabbli għall-Komunikazzjoni, Cillian Lohan, li introduċa s-suġġett: “It-tibdil fil-klima qed jintensifika u bħala individwi huwa diffiċli li naraw soluzzjoni; din l-isfida teħtieġ bidla fundamentali fil-kultura, l-imġiba u l-valuri”.
L-avveniment huwa maqsum f'erba’ panels, kollha jiffukaw fuq il-ħtieġa għal bidla sistemika sabiex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima.
Virginijus Sinkevičius, il-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent, l-Oċeani u s-Sajd, fetaħ l-ewwel panel b’messaġġ permezz ta’ filmat fejn enfasizza l-bżonn għal approċċ komprensiv: “It-tibdil fil-klima, it-telf tal-bijodiversità, it-tnaqqis tar-riżorsi u t-tniġġis huma konnessi, u jeħtieġ li nindirizzawhom flimkien. Ir-rispons tal-Kummissjoni Ewropea huwa l-Patt Ekoloġiku, iżda ċ-ċittadini għandhom rwol, billi għandna bżonn ideat friski li jridu jkunu sistemiċi”.
Josephine Becker, attivista tal-klima, semmiet il-kunċrett tal-ġustizzja klimatika: “L-Ewropa hija parzjalment responsabbli għal din il-kriżi klimatika, u għalhekk għandna dmir li naġixxu”.
Fit-tieni panel, Corina Angheloiu, Strateġista ta’ Livell Għoli fi ħdan il-Forum for the Future, tat il-fehmiet tagħha dwar l-aħjar approċċ biex tinbeda bidla sistemika: “IL-punt ta’ dħul ewlieni biex tinbeda bidla sistemika huwa l-valuri; sistemi ekonomiċi attwali jiffukaw fuq l-effiċjenza, iżda jekk inqiegħdu l-ġustizzja fil-qalba tas-sistema, nistgħu naraw il-konsegwenzi”.
Nisreen Elsaim, president tal-Grupp Konsultattiv dwar iż-Żgħażagħ tan-Nazzjonijiet Uniti, wasslet dan il-messaġġ: “Is-sistemi ekonomiċi u politiċi attwali mhumiex qed jaqdu l-iskopijiet tagħna u qed jagħmlu ħsara lill-ambjent tagħna. Mhux qed jaħdem il-maniġment imsejjes fuq riżultati”.
Lewis Akenji, Direttur Maniġerjali tal-Hot or Cool Institute, spjega fid-diskussjoni waqt it-tielet panel dwar kif sistemi attwali jinfluwenzaw il-modi ta’ għajxien tan-nies kif ukoll l-għażla tat-trasport, ta’ xogħol, ta’ ikel, eċċ.: “Qed noħolqu inugwaljanzi li qed jikbru u qed nikkunsmaw wisq; is-sistemi ekonomiċi u politiċi tagħna mhux qed jagħmluna kuntenti”.
Saoi O'Connor, attivista favur il-klima, tkellmet dwar ir-rwol ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet: "Il-mexxejja u l-politiċi jistgħu jitkellmu dwar ċifri u politiki, iżda ma jidhrux li jieħdu inkonsiderazzjoni r-realtajiet tan-nies".
L-aħħar panel wera eżempji speċifiċi ta’ inizjattivi favur bidla sistemika. Christian Kroll, CEO u fundatur tal-magna tat-tiftix fuq l-internet, Ecosia, spjega li l-profitti kollha tal-kumpanija jintużaw biex jitħawlu speċijiet differenti ta’ siġar b’valur miżjud għall-komunitajiet lokali madwar id-dinja.
Il-promotur tal-moda bil-galbu (slow fashion) u influwenzatur, Juliet Bonhomme, enfasizzat il-poter li l-konsumatur għandu permezz tal-għażliet li huwa jagħmel: “Flusna huma l-poter tagħna”.
L-avveniment ġie segwit fuq Facebook minn aktar minn 100 ruħ minn madwar l-Ewropa, li kellhom l-opportunità wkoll li jiskopru l-bidla sistemika permezz tal-arti, ma’ Sophie Ong u Tibor Miklos, żewġ artisti li ppreżentaw xogħlijiet imnebbħa mid-dibattiti immedjatament wara l-avveniment. (dgf)