European Economic
and Social Committee
Il-Premju tagħna għas-Solidarjetà Ċivili kien uniku minn diversi aspetti. Skopri xi fatti sorprendenti dwar xi wħud mir-rebbieħa tagħna u l-premju nnifsu!
1. Kmieni fl-2020, il-KESE kien diġà għażel it-tema għall-Premju tradizzjonali tiegħu għas-Soċjetà Ċivili meta dlonk faqqgħet il-COVID-19. Hekk kif bdew deħlin l-aħbarijiet dwar l-atti ta’ solidarjetà, il-KESE ddeċieda li jniedi Premju għas-Solidarjetà Ċivili minflok.
2. B’differenza mill-Premju għas-Soċjetà Ċivili, li jingħata lil massimu ta’ ħames rebbieħa mill-Ewropa kollha, il-KESE issa kien qed ifittex rebbieħ minn kull pajjiż tal-UE u mir-Renju Unit. Novità oħra kienet li l-premju nfetaħ ukoll għall-kumpaniji, u mhux biss għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kif inhu l-każ tal-premju tradizzjonali.
3. Il-Premju tal-KESE għas-Solidarjetà Ċivili rċieva t-tieni l-ogħla numru ta’ entrati fl-istorja tal-Premju tal-KESE għas-Soċjetà Ċivili, bl-ogħla numru ta’ entrati jibqa’ dak abbinat mal-premju tal-2015 b’rabta mal-għajnuna lill-migranti u lir-refuġjati.
4. Meta mqabbel mal-premjijiet preċedenti, din is-sena l-KESE rċieva numru akbar ta’ entrati minn organizzazzjonijiet li mhumiex stabbiliti formalment, bħal gruppi ta’ voluntiera jew ġirien, li juri biċ-ċar l-ispirtu fuq il-post.
5. Krystyna Paszko mill-Polonja hija l-iżgħar rebbieħa li qatt kellna fl-istorja tal-premju. Kellha biss 17-il sena meta ssottomettiet il-proġett tagħha, u għalhekk l-applikazzjoni tagħha kellha tiġi ffirmata minn ommha. Minkejja li għadha żgħira fl-età, Krystyna ġibdet l-attenzjoni tal-midja Ewropea permezz tal-proġett tant oriġinali u kuraġġuż tagħha, li joffri għajnuna lill-vittmi ta’ abbuż domestiku. Dehru diversi artikli dwarha f’bosta mezzi tal-midja fl-Ewropa kollha, u ġiet intervistata mill-BBC u mit-televiżjoni Belġjana.
6. L-għajdut li “d-diffikultajiet qatt ma jiġu waħedhom” kellu tifsira qawwija għall-parteċipant rebbieħ tagħna, in-Network Kroat għall-Persuni mingħajr dar. Ftit jiem biss wara li l-awtoritajiet nazzjonali imponew lockdown strett, terremot qawwi heżżeż il-belt kapitali Kroata ta’ Zagreb għall-ewwel darba f’140 sena.
7. Fil-passat, xi wħud mir-rebbieħa tagħna diġà kellhom esperjenza ta’ rispons għal theddid ta’ virus. L-NGO Emergency, ir-rebbieħa transfruntiera tagħna, ipprovdiet l-għajnuna tagħha matul it-tifqigħa tal-Ebola fi Sierra Leone, filwaqt li r-rebbieħa Irlandiża tagħna, il-pjattaforma tat-tagħlim Alison, diġà kienet organizzat korsijiet dwar is-SARS, l-influwenza tal-ħnieżer u l-Ebola.
8. Xi wħud mir-rebbieħa tagħna rebħu wkoll premjijiet oħrajn għal proġetti b’rabta mal-COVID-19. Eżempju ta’ dan hija Karolina Barišauskienė, l-esperta Litwana tal-komunikazzjoni. Qabel ma rċeviet il-Premju ta’ Solidarjetà Ċivili għall-proġett tagħha li jiddokumenta x-xogħol tal-persunal mediku fuq il-front b’rabta mal-COVID-19, hija kienet rebħet premju Litwan għar-relazzjonijiet pubbliċi għall-proġett “Aware Youth – Enabled Elderly”, proġett soċjali li jħeġġeġ liż-żgħażagħ jirrispettaw ir-regoli ta’ kwarantina.
9. Ħafna mill-250 kandidat tagħna ma wettqux biss xogħol siewi fuq il-post, iżda ħarġu wkoll b’ismijiet oriġinali għall-proġetti tagħhom. Parteċipanti minn Spanja u Slovenja jidhru li kellhom ispirazzjoni speċjali b’uħud mill-inizjattivi iġibu l-isem ta’ #SoulFoodFighters, "Anti-racist Pantry", "It Never Rains but it Pours" jew "Hotel Korona", "Pimp my Walls" u "Our Streets are Empty but our Hearts are not". (ll)