Soluzzjoni li minnha jgawdi kulħadd proposta mir-Rumanija

Il-proġett eċċellenti “educlick” tal-Ateliere Fără Frontiere (Uffiċċji mingħajr fruntieri) tar-Rumanija jgħaqqad tnejn mis-suġġetti jaħarqu tal-lum – il-ġustizza soċjali u l-ekonomija ċirkolari – b’mod impressjonanti: dan il-proġett jimpjega persuni minn sfondi vulnerabbli biex jirrikondizzjonaw l-iskart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku. Ladarba jiġi rikondizzjonat, it-tagħmir imbagħad jingħata lil skejjel f’żoni żvantaġġati. Costin Dragne mill-NGO jgħidilna aktar dwar il-proġett, u xi jfisser il-Premju tal-KESE għall-ħidma tagħhom.

KESE Info: X’ħeġġiġkom tibdew il-proġett tagħkom?

Costin Dragne: educlick, l-ewwel workshop tal-Ateliere Fără Frontiere, inħoloq fl-2008 biex jindirizza żewġ kwistjonijiet soċjali u ambjentali: il-possibbiltajiet baxxi li jiġu impjegati l-persuni minn sfondi vulnerabbli u n-numru għoli ta’ tagħmir elettriku u elettroniku li jispiċċa jintrema, mingħajr ma jgħaddi minn proċess ta’ riċiklar jew ta’ użu mill-ġdid.

Il-programm ta’ donazzjoni tal-kompjuter li nmexxu llum mal-iskejjel fil-pajjiż jindirizza dawn iż-żewġ kwistjonijiet soċjali direttament: jappoġġja l-edukazzjoni f’żoni żvantaġġati u fl-istess ħin, jippromovi l-kunċess ta’ użu mill-ġdid, proċess li huwa bil-qabda aktar tajjeb għall-ambjent, b’impronta tal-karbonju aktar baxxa.

Kif intlaqa’ l-proġett tagħkom? Ksibtu xi feedback miċ-ċittadini li għintu? (Tistgħu ttuna xi eżempju, jekk għandkom?)

L-iskejjel, l-NGOs u l-istituzzjonijiet pubbliċi li jipparteċipaw fil-proġetti tagħna rreaġixxew b’mod pożittiv għas-sejħa tagħna. Bl-għajnuna tagħhom, matul it-13-il sena tal-attività tagħna, aħna ħloqna network ta’ msieħba edukattivi li permezz tiegħu tajna aktar minn 23 000 kompjuter lill-iktar minn 500 000 benefiċjarju.
Ħafna mill-imsieħba edukattivi li naħdmu magħhom ġibdulna l-attenzjoni għal tagħmir ieħor li jeħtieġu sabiex jibqgħu aġġornati mal-era tad-diġitalizzazzjoni: kopjaturi, projetturi tal-vidjo, whiteboards interattivi, eċċ. Għalhekk, is-sena l-oħra bdejna niddiversifikaw l-attività tal-workshop u ppruvajna nintroduċu tipi ġodda ta’ tagħmir fil-proċess ta’ rikondizzjonar u donazzjoni lill-iskejjel.

Kif beħsiebkom tużaw dan il-finanzjament speċifiku biex tipprovdu aktar għajnuna lill-komunità? Diġà qed tippjanaw proġetti ġodda?

It-tim diġà qiegħed jaħdem biex jorganizza proġetti ġodda sabiex fl-2022, aktar minn 200 skola fir-Rumanija jiġu attrezzati b’tagħmir diġitali rikondizzjonat fil-workshop educlick. Dan l-iffinanzjar speċifiku ser jintuża biex jiġu implimentati dawn il-proġetti, speċjalment biex tiġi modernizzata l-infrastruttura tal-workshop ta’ rikondizzjonar (tagħmir ta’ protezzjoni, materjal ta’ loġistika, utensili, eċċ.).

X’parir tistgħu tagħtu lil organizzazzjonijiet oħrajn biex jiksbu r-riżultati f’attivitajiet u programmi ta’ dan it-tip?

Nemmnu li l-mudell ta’ negozju tagħna huwa wieħed li faċilment jista’ jiġi replikat fi kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, u għalhekk aħna nħeġġu lill-organizzazzjonijiet fi kwalunkwe post biex joħolqu sħubijiet sostenibbli mal-atturi privati u pubbliċi.

L-iktar pass importanti biex programmi bħal “educlick” ikollhom suċċess huwa l-kollaborazzjoni ma’ istituzzjonijiet u kumpaniji li jridu jkollhom impatt pożittiv fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u d-diġitalizzazzjoni tal-edukazzjoni billi jerġa’ jintuża t-tagħmir tal-informatika mormi.

Kemm intom ottimisti dwar il-prospetti tal-UE biex tikseb il-miri tal-Patt Ekoloġiku?

L-impatt ambjentali pożittiv tas-soċjetà ċivili li rajna mill-kollegi tagħna f’pajjiżi oħra bla dubju għamilna aktar fiduċjużi fil-possibbiltajiet tal-UE li tikseb il-miri tal-Patt Ekoloġiku.

Sakemm nibqgħu nkomplu nippromovu u nitgħallmu mill-esperjenza ta’ atturi oħra fis-settur ekoloġiku, għandna kull possibbiltà li l-UE tinbidel f’mudell ta’ spazju li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent.

Personalment, li niġu t-tielet post fil-Premju tas-Soċjetà Ċivili jżid ix-xewqa tagħna li nikkontribwixxu iktar għal dan il-għan fis-snin li ġejjin, speċjalment issa li nafu li niġu appoġġjati u mħeġġa mil-livell Ewropew.