Għeżież qarrejja,

Kull sena ġġib magħha tamiet u xewqat ġodda u determinazzjoni ġdida biex dawn isiru realtà.

Din is-sena, nistenna bil-ħerqa li mmorru lil hinn mill-kwistjonijiet relatati mal-pandemija u nimxu lejn l-isfidi l-kbar ġodda li qed tiffaċċja l-Ewropa fl-2023 u lil hinn: il-gwerra fl-Ukrajna u l-kriżi tal-enerġija, it-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali, is-suq tax-xogħol li qed jinbidel u t-tendenzi politiċi li qed jinbiddlu f’ħafna partijiet tal-Ewropa.

Minħabba l-prospettiva ekonomika negattiva għall-Ewropa din is-sena, l-Ewropa trid tistabbilixxi prijoritajiet korretti u ċari. Din is-sena tibda bil-Presidenza Żvediża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li għandha l-għan li tkompli tipprovdi assistenza umanitarja lill-Ukrajna u li tiffoka wkoll fuq it-tranżizzjoni ekoloġika u t-titjib tal-ekonomija tal-UE, speċjalment hekk kif din is-sena nħejju biex niċċelebraw it-30 sena minn mindu twaqqaf is-suq uniku.

Barra minn hekk, l-2023 ġiet iddikjarata s-Sena Ewropea tal-Ħiliet.

Forza tax-xogħol bil-ħiliet li huma mitluba twassal ukoll għall-innovazzjoni u tiżgura li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura kemm fl-irkupru ekonomiku kif ukoll fit-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali. Għaldaqstant, il-ħiliet se jaqdu rwol essenzjali biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-Ewropa.

Għalkemm is-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ waslet fi tmiemha, l-enfasi tagħna fuq is-suġġett mhux se tintemm. Il-Kumitat ħejja diversi Opinjonijiet dwar iż-żgħażagħ matul is-sena li għaddiet, u għadu jirrakkomanda li l-politiki u l-leġiżlazzjoni tal-Ewropa jkunu soġġetti għal Test taż-Żgħażagħ. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ser ikompli jaħdem favur soluzzjonijiet għaż-żgħażagħ li jqisu wkoll it-talba tagħhom għal pjaneta aħjar.

Fil-COP27 f’Sharm El-Sheikh, f’Novembru 2022, id-delegazzjoni tal-Kumitat inkludiet delegat taż-żgħażagħ biex jirrappreżenta l-vuċi taż-żgħażagħ dwar kwistjonijiet relatati mal-kriżi klimatika u s-sostenibbiltà. Din is-sena, ser inkomplu nappellaw biex iż-żgħażagħ, kif ukoll is-soċjetà ċivili organizzata kollha kemm, ikollhom rwol aktar b’saħħtu sabiex tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali fil-proċess ta’ trasformazzjoni.

Fl-2022, l-isforzi tagħna kienu mmirati wkoll lejn it-titjib tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Il-Kumitat organizza sensiela ta’ avvenimenti biex jappoġġja l-Ġimgħa tal-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri tal-Parlament Ewropew. Dawn l-avvenimenti indirizzaw firxa wiesgħa ta’ suġġetti li jaffettwaw lin-nisa, inkluż ir-rwol tagħhom fl-ekonomija soċjali, in-nisa u l-faqar enerġetiku, il-vjolenza domestika kontra n-nisa, l-aċċess għall-finanzi għall-intraprendituri nisa, u d-drittijiet riproduttivi u sesswali. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew huwa impenjat li jkompli jaħdem favur l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fl-oqsma kollha ta’ politika f’din is-sena l-ġdida u lil hinn minnha. 

B’tant sfidi quddiemna, l-Unjoni Ewropea tista’ tirnexxi biss billi tinvolvi b’mod sistematiku lis-soċjetà ċivili Ewropea fit-teħid ta’ deċiżjonijiet. Nittamaw li flimkien inkunu nistgħu niffaċċjaw dawn l-isfidi. U nittamaw li jkollna wkoll l-opportunità fis-sena l-ġdida biex nerġgħu nsibu s-sigurtà, il-paċi u l-fehim li konna nagħmluhom fatta. 
Nawgura lill-Ewropa sena produttiva, u lilkom nawguralkom ilkoll saħħa u kuntentizza.

Giulia Barbucci, Viċi President tal-KESE għall-Baġit