Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta Opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar Kif l-industriji li jużaw ħafna riżorsi u enerġija jistgħu jisfruttaw il-pjan ta’ rkupru tal-UE fit-tranżizzjoni soċjalment aċċettabbli tagħhom lejn id-dekarbonizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE biex jiggarantixxu kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fi ħdan is-suq uniku, biex jiġu evitati vantaġġi żbilanċjati għall-industrija skont l-approċċ ta’ kull Stat Membru.

Il-produzzjoni industrijali fl-Ewropa ntlaqtet ħażin ħafna mill-pandemija, u l-kumpaniji Ewropej f’setturi b’konsum għoli ta’ riżorsi u enerġija, li diġà kienu jinsabu f’sitwazzjoni prekarja, issa jridu jaffaċċjaw ukoll din il-kriżi mhux mistennija. Fl-istess ħin, il-kumpaniji Ewropej f’setturi li jużaw ħafna riżorsi u enerġija qed jaffaċċjaw ukoll il-ħtieġa urġenti li jadattaw għall-objettivi ta’ politika Ewropej sabiex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima permezz tal-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.

“It-tranżizzjoni industrijali mhux se tinkiseb jekk it-tranżizzjoni tal-enerġija ma tiġix implimentata. Ir-riċerka u l-innovazzjoni u l-implimentazzjoni tajba tal-pjani ta’ rkupru tal-UE huma kruċjali għal tranżizzjoni ġusta f’konformità mal-għan tan-newtralità karbonika. Għaldaqstant, id-disponibbiltà ta’ sorsi ta’ enerġija suffiċjenti u affordabbli b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju li jagħmlu possibbli l-produzzjoni industrijali b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju se tkun kruċjali”, qal ir-relatur Andrés Barceló Delgado.

“Huwa fundamentali li tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta għall-industriji li jużaw ħafna riżorsi u enerġija. Il-Faċilità għall-Irkupru tal-UE u l-pjani nazzjonali relatati għall-irkupru u r-reżiljenza jridu jwasslu għall-ħolqien u ż-żamma ta’ impjiegi ta’ kwalità, jinvolvu lill-imsieħba soċjali, u jappoġġjaw it-tranżizzjonijiet tal-ħaddiema permezz tat-taħriġ mill-ġdid u tat-titjib tal-ħiliet”, qal il-korelatur Enrico Gibellieri. (ks)