European Economic
and Social Committee
Breadcrumb
- Home
- Current: Luca Jahier: Ġieħ lil David Sassoli, President tal-Parlament Ewropew, li miet fil-11 ta’ Jannar 2022
Luca Jahier: Ġieħ lil David Sassoli, President tal-Parlament Ewropew, li miet fil-11 ta’ Jannar 2022
Luca Jahier: Ġieħ lil David Sassoli, President tal-Parlament Ewropew, li miet fil-11 ta’ Jannar 2022
Illum ninsabu lkoll imdejqa u b’sens ta’ vojt enormi wara li tlifna ħabib, ġurnalist li ħalla impatt, politiku rfinut li ftit tara minnhom u Ewropew kbir. Dwaru nistgħu tassew ngħidu li biddel l-istorja tal-Unjoni Ewropea matul il-pandemija, filwaqt li żamm lill-Parlament miftuħ u dejjem qrib dawk l-aktar dgħajfa. Għamel dan b’inizjattivi kompletament mhux tas-soltu, bħal meta fl-ewwel mewġa pandemika, battal wieħed mill-binjiet tal-Parlament sabiex ikun jista’ jintuża bħala post ta’ rkupru u kenn għan-nisa u ommijiet waħedhom, milquta mill-COVID.
L-Ewropa għad fadlilha ħafna xi tgħid kieku aħna, u intom, inkunu nafu ngħidu dan flimkien. Jekk inkunu nafu npoġġu r-raġunijiet tal-ġlieda politika għas-servizz taċ-ċittadini tagħna u jekk il-Parlament jisma’ x-xewqat u l-biżgħat tagħhom u dak li jeħtieġu. Dan huwa r-riżultat tal-azzjoni politika tiegħu, li kkaratterizzat il-ħidma kollha tiegħu bħala President tal-Parlament Ewropew, elett kważi b’sorpriża wara l-elezzjonijiet Ewropej tal-2019.
Kien kapaċi jġiegħel lill-Parlament jaqbel fuq kwistjonijiet, minkejja li kien iktar divrenzjat minn qatt qabel, u kien kapaċi jipprovdi lill-President nominat Ursula von der Leyen b’maġġoranza usa’ minn dik tal-predeċessuri tagħha, dwar programm politiku trasformattiv ħafna u totalment immirat lejn it-tranżizzjonijiet meħtieġa lejn Ewropa sostenibbli, innovattiva, bl-għeruq fil-valuri u fid-drittijiet, soċjali u strateġikament awtonoma. Kien kapaċi jkun punt ta’ referenza b’saħħtu fit-teħid tal-miżuri kollha meħtieġa biex tiġi indirizzata t-tifqigħa tal-pandemija, filwaqt li żgura l-aktar parteċipazzjoni demokratika wiesgħa meta ttieħdu l-ħafna deċiżjonijiet urġenti li biddlu wiċċ l-Ewropa. U fi ftit xhur, witta t-triq għall-proposti mressqa mis-Sur Macron u s-Sinjura Merkel kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea sabiex jiġu ttrasformati fl-akbar Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza li qatt rat l-istorja Ewropa. Għaqqad lill-Parlament Ewropew, meta dan rarament kien maqgħud fil-passat.
Kien raġel, ġurnalist u politiku twajjeb u ġentili. Kien jaf ikejjel is-sitwazzjonijiet u jifhem lilu nnifsu. Wieħed mill-ftit li la l-immaġni u lanqas il-pożizzjonijiet għolja ma tawh is-sens (falz) ta’ omnipotenza. David Sassoli għamel mit-tliet doni tiegħu – il-koerenza, il-lealtà u l-korteżija – l-aktar tliet armi b’saħħithom ta’ ħajtu u tal-azzjoni politika tiegħu. Ta’ spiss kont naħdem miegħu direttament u ma nistax ma niftakarx li t-tbissima tiegħu u l-ħarsa tiegħu, li dejjem fittxet rabta personali ma’ kull min kellmu, tassew kienu l-istil tal-mod kif jaġixxi u tas-suċċess tiegħu.
Eżempju għalina lkoll, minn din it-tbissima għal kulħadd u minn din il-ġentilezza intelliġenti fejn tinġibed l-enerġija tal-azzjoni komuni, għall-interess pubbliku. Kien nisrani demokratiku, bi spiritwalità ħajja u profonda, li kien iqim lil David Maria Turoldo, li kien imsemmi għalih, lil Giuseppe Dossetti u lil Giorgio La Pira, li bħala ġurnalist, għarraf dwar il-legat tiegħu.
Mill-aħħar messaġġ tiegħu, għax-xewqat tal-Milied, li nkiteb ftit jiem qabel ma reġa’ ġie rikoverat l-isptar, se nikkwota dan il-kliem: “It-tama hija aħna, meta ma nagħlqux għajnejna għal dawk li għandhom bżonn, meta ma nibnux ħitan mal-fruntieri tagħna, meta niġġieldu kontra l-inġustizzji kollha, l-isbaħ xewqat għalina u għat-tama tagħna.”
Grazzi David. Tgħanniqa għal Sandra u għat-tfal li tant kien iħobb.
Luca Jahier
< lang="IT" style="color:black">L-artiklu ġie ppubblikat fuq is-sit Taljan VITA nhar il-11 ta’ Jannar 2022.
Luca Jahier, ġurnalist Taljan, membru tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew mill-2002, u l-President mill-2018 sal-2020.