Il-KESE jiftaħ l-applikazzjonijiet għall-Premju tiegħu għas-Soċjetà Ċivili li se jkun qed jindirizza s-saħħa mentali

L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-individwi u l-kumpaniji privati issa jistgħu jdaħħlu l-proġetti tagħhom mingħajr skop ta’ qligħ għall-premju tal-KESE ddedikat għall-appoġġ tal-benesseri mentali tal-Ewropej

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) nieda l-14-il edizzjoni tal-Premju tiegħu għas-Soċjetà Ċivili. Permezz tal-għażla tas-saħħa mentali bħala t-tema ta’ din is-sena, il-KESE se jippremja proġetti kreattivi u innovattivi mingħajr skop ta’ qligħ li jgħinu lill-individwi b’kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali u joħolqu ambjent ta’ appoġġ għall-benesseri mentali tagħhom, kemm fuq livell individwali kif ukoll bħala sforz kollettiv.

Se jiġu ppremjati total ta’ EUR 50 000 lil mhux iżjed minn ħames rebbieħa.

Id-data tal-għeluq għat-tressiq tal-applikazzjonijiet hija t-30 ta’ Settembru 2023 fl-10 a.m. (ħin ta’ Brussell).

Iċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet probabbilment se ssir matul il-Ġimgħa tas-Soċjetà Ċivili tal-KESE fir-rebbiegħa tal-2024.

L-għan tal-Premju ewlieni tal-KESE għas-Soċjetà Ċivili huwa li jkun hemm sensibilizzazzjoni dwar il-kontribut eċċellenti tas-soċjetà ċivili għall-ħolqien ta’ identità u ċittadinanza Ewropej u għall-promozzjoni tal-valuri komuni li jsaħħu l-integrazzjoni Ewropea. Kull sena, il-premju jiffoka fuq tema differenti ta’ rilevanza partikolari għall-UE.

MIN JISTA’ JAPPLIKA?

L-applikazzjonijiet jistgħu jitressqu mill-organizzazzjonijiet kollha tas-soċjetà ċivili rreġistrati uffiċjalment fl-Unjoni Ewropea u li jaġixxu fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali jew Ewropew. Il-premju huwa miftuħ ukoll għal individwi li jirrisjedu fl-UE, kif ukoll għal kumpaniji rreġistrati jew li joperaw fl-UE, dment li l-proġetti tagħhom ikunu strettament mingħajr skop ta’ qligħ.

L-inizjattivi u l-proġetti kollha eliġibbli jridu jitwettqu fl-UE. Dawn l-inizjattivi jridu jkunu diġà ġew implimentati jew ikunu għadhom għaddejjin. Dawk li huma ppjanati iżda li jkunu għadhom ma bdewx jiġu implimentati sat-30 ta’ Settembru 2023 se jiġu esklużi.

Id-deskrizzjoni sħiħa tar-rekwiżiti u l-formola tal-applikazzjoni online huma disponibbli fuq il-paġna web tagħna.

LIEMA TEMI TAL-PROĠETTI HUMA ELIĠIBBLI?

Biex ikunu eliġibbli, l-applikazzjonijiet iridu jkopru mill-inqas waħda mill-kwistjonijiet elenkati fil-kriterji tal-eliġibbiltà ppubblikati fid-dokument Ir-regoli għall-14-il edizzjoni tal-Premju tal-KESE għas-Soċjetà Ċivili, u disponibbli fuq il-paġna web li l-KESE ħoloq apposta.

Fost affarijiet oħra, il-proġetti jistgħu jiffukaw fuq il-prevenzjoni tar-riskji psikosoċjali fuq il-post tax-xogħol u l-ġlieda kontrihom; il-promozzjoni ta’ kulturi ta’ appoġġ fuq il-post tax-xogħol; l-ilħuq ta’ persuni f’riskju ta’ problemi ta’ saħħa mentali; l-intervent f’każ ta’ kriżi; u l-iżgurar ta’ servizzi ċċentrati fuq il-persuni fir-rigward tas-saħħa mentali.

Dawn jistgħu jindirizzaw ukoll il-ħtiġijiet tas-saħħa mentali ta’ gruppi żvantaġġati u tal-popolazzjoni li qed tixjieħ jew jippromovu l-benesseri mentali fost it-tfal u l-adolexxenti, billi jindirizzaw kwistjonijiet bħall-użu u l-abbuż ta’ sustanzi, id-dipendenza ċibernetika, il-vjolenza fost iż-żgħażagħ u l-bullying.

Il-proġetti ffukati fuq il-ħidma komunitarja bħat-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-komunitajiet lokali, il-ħolqien ta’ networks għall-involviment tal-komunità u l-istabbiliment ta’ ambjent ta’ appoġġ għas-saħħa mentali se jkunu eliġibbli wkoll. It-titjib tal-għarfien dwar is-saħħa mentali u l-ġlieda kontra l-istigma li ħafna drabi taqta’ qalb in-nies milli jfittxu l-għajnuna huma aċċettabbli wkoll bħala temi ta’ dħul.

Il-KESE jittama li l-premju tiegħu jonora u joħroġ fid-dieher l-isforzi mhux statali li saru sa issa biex jgħinu lin-nies li qed jikkumbattu problemi ta’ saħħa mentali. Dan għandu wkoll l-għan li jħeġġeġ proġetti li għaddejjin bħalissa u jispira oħrajn ġodda, u b’hekk jenfasizza l-kontribut li jistgħu jagħtu proġetti bħal dawn biex irażżnu t-tifqigħa ta’ din l-epidemija silenzjuża fl-UE.

Biex tapplika, ikklikkja hawn

AKTAR DWAR IT-TEMA TAL-PREMJU TA’ DIN IS-SENA

Matul u wara l-pandemija tal-COVID-19, l-Ewropa esperjenzat żieda bla preċedent fil-kundizzjonijiet u d-disturbi tas-saħħa mentali. L-ansjetà u d-dipressjoni kienu prevalenti b’mod partikolari fost il-gruppi anzjani u vulnerabbli, u fuq kollox fost iż-żgħażagħ, b’ċifri li juru li r-rata ta’ sintomi ta’ dipressjoni f’diversi pajjiżi Ewropej żdiedet b’aktar mid-doppju fost dawk li għandhom bejn it-18 u d-29 sena.

L-impatt qawwi ta’ problemi ta’ saħħa mentali fuq il-popolazzjoni tal-UE, b’madwar 4% tal-imwiet annwali attribwiti għas-saħħa mentali u disturbi fl-imġiba u l-ispejjeż diretti u indiretti ta’ problemi ta’ saħħa mentali li jammontaw għal kważi 4% tal-PDG, wasslu s-saħħa mentali fil-quċċata tal-aġenda politika tal-UE.

Il-KESE poġġa wkoll is-saħħa mentali fiċ-ċentru tal-ħidma tiegħu. Huwa appella għal leġiżlazzjoni vinkolanti biex jiġu evitati r-riskji psikosoċjali fuq il-post tax-xogħol u qed jirrakkomanda li jiżdiedu l-miżuri tal-UE u dawk nazzjonali għall-promozzjoni tas-saħħa mentali.

Billi jiddedika l-premju tiegħu tal-2023 għal dan is-suġġett tant importanti, il-KESE jixtieq jirrikonoxxi r-rwol kruċjali li għandha s-soċjetà ċivili fit-trattament u l-prevenzjoni tas-saħħa mentali. Is-soċjetà ċivili tikkumpensa għad-diskrepanzi fis-sistemi tas-saħħa pubblika, billi taqdi l-ħtiġijiet uniċi tal-gruppi vulnerabbli. Permezz tal-konnessjoni mill-qrib tagħha mal-komunitajiet lokali, tipprovdi assistenza tal-ewwel linja kemm formalment kif ukoll informalment, u tilħaq popolazzjonijiet li ħafna drabi jiġu injorati.

IL-PREMJIJIET PREĊEDENTI GĦAS-SOĊJETÀ ĊIVILI

Fl-2022, il-KESE ta premju b’mod eċċezzjonali għal żewġ temi: iż-żgħażagħ u l-Ukrajna Fl-2021, il-premju onora proġetti klimatiċi li jippromovu tranżizzjoni ġusta. Fl-2020, il-KESE ssostitwixxa l-Premju tiegħu għas-Soċjetà Ċivili bi Premju ta’ darba għas-Solidarjetà Ċivili, iddedikat għall-ġlieda kontra l-COVID-19. Temi oħrajn fil-passat inkludew l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa, l-identitajiet Ewropej u l-wirt kulturali, u l-migrazzjoni.

Work organisation