Wieħed mill-programmi ppreżentati fis-seminar tal-KESE tal-2024 “Nikkollegaw l-UE” iddedikat għall-ġurnaliżmu kien l-Inizjattiva Hannah Arendt. Din hija network ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jappoġġjaw u jipproteġu lill-ġurnalisti li jaħdmu taħt pressjoni estrema u li huma soġġetti għal ċensura, fastidju u persekuzzjoni. L-inizjattiva hija programm ta’ protezzjoni ffinanzjat mill-Gvern Federali Ġermaniż, u toffri kull tip ta’ għajnuna prezzjuża lill-ġurnalisti madwar id-dinja – mill-Afganistan u s-Sudan għar-Russja u l-Ukrajna – kemm f’pajjiżhom kif ukoll fl-eżilju.

Meta l-ilħna kritiċi jiġu msikkta, il-ġurnalisti jintbagħtu l-ħabs u l-mezzi kollha tal-media jingħalqu, il-pubbliku ma jkollux aktar aċċess għal informazzjoni indipendenti. Madankollu, tali informazzjoni hija essenzjali biex in-nies ikunu jistgħu jiżviluppaw b’mod liberu l-opinjonijiet tagħhom u biex id-demokrazija tiffunzjona.

Sentejn wara li l-Gvern Federali Ġermaniż nieda l-Inizjattiva Hannah Arendt, ir-raġunijiet għat-tħassib saħansitra żdiedu. L-aħħar Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa mfassal minn Reporters Mingħajr Fruntieri (RSF) juri li l-kundizzjonijiet għall-professjonisti tal-media marru għall-agħar madwar id-dinja. Bħalissa hemm aktar pajjiżi – b’kollox 36 pajjiż – fil-kategorija ta’ taħt (fejn is-sitwazzjoni hija kklassifikata bħala “serja ħafna”) milli kien hemm f’aktar minn għaxar snin. Ġurnalisti minn għadd ta’ pajjiżi f’din il-kategorija, fosthom ir-Russja, l-Afganistan u s-Sudan, huma appoġġjati minn diversi proġetti mmexxija mill-organizzazzjonijiet msieħba tal-Inizjattiva Hannah Arendt.

Bis-saħħa tal-Inizjattiva Hannah Arendt – programm ta’ protezzjoni li huwa ffinanzjat mill-Uffiċċju Federali għall-Affarijiet Barranin tal-Ġermanja u mill-Kummissarju tal-Gvern Federali għall-Kultura u l-Media – il-ħaddiema tal-media jistgħu jirċievu tipi differenti ta’ għajnuna, jew f’pajjiżhom jew fl-eżilju. Xi drabi l-għajnuna hija saħansitra possibbli fejn mal-ewwel daqqa t’għajn jidher li se tkun impossibbli. Pereżempju, wieħed mill-proġetti tal-inizjativa jappoġġja lill-ġurnalisti nisa fl-Afganistan: huma jirċievu taħriġ ta’ sikurezza, boroż ta’ studju u mentoraġġ fil-lingwa nattiva. Għadd partikolarment kbir ta’ nisa fil-media tilfu xogħolhom minn meta t-Talibani ħadu f’idejhom il-poter fl-2021, li jfisser li issa ftit li xejn hemm nisa li baqgħu jaħdmu fuq ir-radju jew fuq it-televiżjoni. Minn dak iż-żmien ’l hawn, is-settur kollu naqas drastikament.

Il-professjonisti tal-media Russi u Sudaniżi jistgħu jibbenefikaw mill-Inizjattiva Hannah Arendt fil-pajjiżi ġirien. Twaqqfu ċentri speċjali biex iservu bħala punti ta’ kuntatt għall-ħaddiema tal-media eżiljati, immexxija jew appoġġjati mill-imsieħba tal-inizjattiva. L-Exile Media Hubs u l-Casa para el Periodismo Libre (spazju għall-ġurnalisti eżiljati) fl-Amerka Ċentrali huma wkoll spazji sikuri li joffru pariri psikoloġiċi u legali. Iċ-ċentri huma wkoll postijiet li jipprovdu aktar taħriġ u huma punt tat-tluq għan-networking fost il-professjonisti tal-media li jiġu ppersegwitati f’pajjiżhom għal diversi raġunijiet.

Il-bini mill-ġdid ta’ strutturi editorjali sostenibbli fl-eżilju huwa approċċ ieħor tal-Inizjattiva Hannah Arendt. Dan jara li jiġi żgurat li n-nies li jinsabu fil-pajjiżi totalitarji minn fejn ikunu ġejjin il-ġurnalisti, ikomplu jirċievu informazzjoni indipendenti.

L-Afganistan, ir-Russja u s-Sudan mhumiex l-uniċi pajjiżi li l-ġurnalisti tagħhom jirċievu appoġġ. L-ambitu tal-inizjattiva huwa essenzjalment dinji, u jista’ jirreaġixxi b’mod flessibbli għal sitwazzjonijiet ta’ sigurtà li jmorru għall-agħar. Bħalissa, l-appoġġ qed jingħata prinċipalment lill-professjonisti tal-media mill-Belarussja, mill-Amerka Ċentrali, mill-Myanmar, mill-Afrika ta’ Fuq u mill-Ukrajna. F’dan ir-rigward, l-Ukrajna huwa każ speċjali, peress li l-għan tal-ħidma tal-proġett huwa li jiġi ggarantit rappurtar kontinwu matul il-gwerra li għaddejja. Dan jeħtieġ assistenza materjali u teknika, kif ukoll taħriġ u assigurazzjoni speċifiċi għall-operazzjonijiet tal-ewwel linja.

Dawn l-erba’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huma msieħba tal-Inizjattiva Hannah Arendt: DW Akademie, il-European Fund for Journalism in Exile (JX-Fund), Media in Cooperation and Transition (MiCT), u ċ-Ċentru Ewropew għal-Libertà tal-Istampa u tal-Media (ECPMF). Il-programm jeħtieġ l-indipendenza mill-kontroll tal-istat kif ukoll in-newtralità tal-istat. Il-finanzjament jingħata biss fuq il-bażi ta’ kriterji imparzjali, minn ġuriji indipendenti ħielsa mill-influwenza tal-Istat.

Għal aktar informazzjoni, żur is-sit web https://hannah-arendt-initiative.de/hannah-arendt-initiative-english/ jew ikteb lil info@hannah-arendt-initiative.de.

L-inizjattiva Hannah Arendt hija network għall-protezzjoni tal-ġurnalisti u tal-media madwar id-dinja. Hija twaqfet fl-2022 fuq l-inizjattiva tal-Uffiċċju Federali għall-Affarijiet Barranin tal-Ġermanja u tal-Kummissarju tal-Gvern Federali għall-Kultura u l-Media, u hija ffinanzjata minnhom.