Mill-4 sas-7 ta’ Marzu, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) ospita l-ewwel Ġimgħa tas-Soċjetà Ċivili, fejn ’il fuq minn 800 rappreżentant minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u gruppi taż-żgħażagħ iltaqgħu biex jiddiskutu l-elezzjonijiet li ġejjin u l-futur tal-UE. Il-punti ewlenin se jiġu inkorporati f’riżoluzzjoni tal-KESE f’Lulju, li se tiddeskrivi dak li s-soċjetà ċivili qed tistenna mit-tmexxija li jmiss tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni.

Bil-ħames inizjattivi ewlenin tagħha – inklużi l-Ġranet tas-Soċjetà ĊiviliJum l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropejl-Ewropa Tiegħek, Leħnek!, il-Premju għas-Soċjetà Ċivili, u s-Seminar tal-Ġurnalisti – il-Ġimgħa tas-Soċjetà Ċivili għandha l-għan li:

  • issaħħaħ il-pożizzjoni taċ-ċittadini biex jinvolvu ruħhom mal-UE u jeżerċitaw id-drittijiet demokratiċi tagħhom;
  • tidentifika u tindirizza t-theddid għall-valuri demokratiċi, bħad-diżinformazzjoni u l-apatija tal-votanti; u
  • tiġbor rakkomandazzjonijiet mis-soċjetà ċivili biex tikkontribwixxi għall-pjani futuri tal-UE.

L-ewwel riflessjonijiet dwar il-messaġġi fformulati mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għall-mexxejja l-ġodda tal-UE ffukaw b’mod partikolari fuq governanza reattiva, politiki inklużivi u futur sostenibbli għall-Ewropej kollha.

Il-ġlieda kontra l-miżinformazzjoni

Qabel l-elezzjonijiet Ewropej, ir-rappreżentanti taż-żgħażagħ u l-ġurnalisti qajmu tħassib dwar it-tixrid rampanti tal-miżinformazzjoni u l-aggravar tal-polarizzazzjoni online, u fl-istess ħin enfasizzaw il-ħtieġa għal oqfsa legali robusti. Is-soċjetà ċivili tappella għal kollaborazzjoni fost il-gvernijiet, l-iskejjel u d-ditti tat-teknoloġija biex jippromovu l-litteriżmu diġitali, irawmu ambjent online rikk fl-għarfien u inklużiv.

Ekonomija għas-servizz tan-nies u tal-pjaneta

Is-soċjetà ċivili ħeġġet għal bidla minn mudelli ċċentrati fuq it-tkabbir għal approċċi olistiċi li jipprijoritizzaw il-benesseri, il-prosperità u l-limiti ambjentali. F’konformità ma’ dan, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ irrakkomandaw direttiva dwar is-sostenibbiltà korporattiva u pproponew taxxi speċjali fuq oġġetti li jagħmlu ħsara lill-ambjent.

Il-parteċipanti enfasizzaw ukoll ir-rwol tal-UE fit-trasformazzjoni diġitali, u fl-istess ħin ħeġġew it-tmexxija etika fir-rigward tal-IA u l-edukazzjoni taċ-ċittadini. Dawn il-miżuri għandhom l-għan li jiżguraw tkabbir ekonomiku responsabbli u li jsaħħu l-pożizzjoni taċ-ċittadini biex jinnavigaw ix-xenarju teknoloġiku li qed jevolvi.

Insaħħu l-pożizzjoni taż-żgħażagħ

Is-soċjetà ċivili insistiet li għandna nsaħħu l-pożizzjoni taż-żgħażagħ biex isawru l-futur tal-Ewropa. Hija kienet favur “test taż-żgħażagħ” dwar il-politiki kollha tal-UE biex jiġi vvalutat l-impatt tagħhom fuq il-ġenerazzjonijiet żgħażagħ. B’mod partikolari, il-gruppi taż-żgħażagħ ipproponew kwoti għaż-żgħażagħ għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew biex tissaħħaħ ir-rappreżentanza.

Insaħħu d-demokrazija

Il-parteċipanti appellaw għal demokrazija aktar reżiljenti u inklużiva, u enfasizzaw djalogu ċivili strutturat fil-livelli kollha tal-gvern. Dan id-djalogu, flimkien mat-tisħiħ tal-kapaċitajiet, għandu l-għan li jsaħħaħ is-soċjetà ċivili fil-pajjiżi kandidati tal-UE, u fl-istess ħin irawwem ambjent sikur u abilitanti biex is-soċjetà ċivili tirnexxi fl-Ewropa.

Nimxu lil hinn mis-sempliċi suġġerimenti

Il-ġimgħa ħarġet fid-dieher l-elementi sodi u d-dgħufijiet tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej. Filwaqt li nirrikonoxxu s-suċċessi tagħha, feġġew frustrazzjonijiet minħabba l-insuffiċjenza ta’ rispons mill-istituzzjonijiet tal-UE. Saru sejħiet biex l-inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej jiksbu reazzjonijiet sostantivi, irawmu sħubijiet aktar b’saħħithom u jsaħħu l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini permezz tal-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki.

Inħarsu ’l quddiem

Dawn ir-rakkomandazzjonijiet se jikkontribwixxu għal riżoluzzjoni futura tal-KESE li tistabbilixxi l-aspettattivi tas-soċjetà ċivili għat-tmexxija li jmiss tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni. (gb)