Fl-okkażjoni tal-20 anniversarju tal-Grupp ta’ Kuntatt tal-KESE, il-fundaturi u l-membri attwali tal-Grupp appellaw għal passi attivi intiżi li jiddefendu d-demokrazija Ewropea, l-ispazju pubbliku miftuħ u Ewropa ġusta.

Fil-11 ta’ Diċembru, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) ospita l-20 anniversarju tal-Grupp ta’ Kuntatt tiegħu man-networks Ewropej tas-soċjetà ċivili, l-uniku korp permanenti għad-djalogu politiku u l-kooperazzjoni strutturata bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-istituzzjonijiet tal-UE. Matul iż-żewġ deċennji ta’ eżistenza tiegħu, il-Grupp ta’ Kuntatt kellu rwol ewlieni biex isemma’ l-ilħna tas-soċjetà ċivili organizzata u jinkorpora l-preokkupazzjonijiet tagħha fl-aġenda Ewropea. Il-Grupp jinkludi 45 netwerk tas-soċjetà ċivili attivi fil-livell Ewropew, li jħaddnu bis-sħiħ il-prinċipji minquxa fl-Artikolu 11 tat-Trattat.

“Aħna u niċċelebraw l-20 sena tal-Grupp ta’ Kuntatt tal-KESE, nonoraw mhux biss il-kisbiet notevoli tiegħu iżda wkoll is-sħubijiet dejjiema li sawru d-demokrazija parteċipattiva fl-Ewropa. Fi żmien żewġ deċennji, il-Grupp ta’ Kuntatt kiber fi pjattaforma vibranti, li ssemma’ l-ilħna tas-soċjetà ċivili u trawwem kollaborazzjoni bejn diversi partijiet ikkonċernati. Aħna u nħarsu lejn il-futur, ejjew inkomplu ningħaqdu flimkien biex insaħħu l-valuri demokratiċi, nespandu l-ispazju ċiviku, u noħolqu Ewropa li tabilħaqq taqdi lill-poplu kollu tagħha,” qal il-President tal-KESE Oliver Röpke fid-diskors tal-ftuħ tiegħu.

“Il-vjaġġ tagħna ma kienx faċli,” spjegat Brikena Xhomaqi, Kopresident tal-Grupp ta’ Kuntatt, “iżda tgħallimna nafdaw lil xulxin. U nittama li nsaħħu l-kooperazzjoni tagħna biex niġġieldu flimkien għal strateġija koerenti tas-soċjetà ċivili Ewropea”.

Fid-diskors ewlieni tagħha, Katarina Barley, Viċi President tal-Parlament Ewropew, responsabbli għar-relazzjonijiet mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ddikjarat li “Bħala l-Parlament Ewropew, aħna lesti nsaħħu l-kooperazzjoni tagħna mal-Grupp ta’ Kuntatt. Neħtieġu kooperazzjoni dejjem aktar strutturata mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.  Flimkien, irridu nagħmlu aktar biex niġġieldu kontra t-theddid għad-demokrazija fl-Unjoni Ewropea, li huwa akbar milli fi kwalunkwe żmien ieħor fl-istorja tal-UE”, u żidiet tgħid li, fir-rigward tal-Grupp ta’ Kuntatt, “Kieku qatt ma eżista, kien ikollu jinħoloq”.

Fl-avveniment dinamiku li jfakkar l-20 anniversarju tal-Grupp ta’ Kuntatt ħadu sehem aktar minn mitt mistieden, inklużi diversi personalitajiet ewlenin tas-settur tas-soċjetà ċivili. Dawn kienu jinkludu rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mis-Serbja u l-Moldova, f’konformità mal-politika tal-KESE li tistieden rappreżentanti tal-pajjiżi kandidati tal-UE biex jipparteċipaw fil-ħidma tiegħu. Attendew ukoll erba’ eks Presidenti tal-KESE, Staffan NilssonHenri MalosseLuca Jahier u George Dassis. Is-Sur Jahier enfasizza li l-KESE għandu r-responsabbiltà li jistabbilixxi u jżomm pjattaforma għad-djalogu ċivili, u s-Sur Dassis qal li “l-iżjed ħaġa importanti hija li jkollna l-paċi, u biex niksbu l-paċi, irridu nkunu b’saħħitna u magħqudin.”

Jekk ma stajtx tattendi, tista’ tisma r-reġistrazzjoni tal-avveniment, tikkonsulta l-istqarrija konġunta tal-presidenza tal-Grupp ta’ Kuntatt, tara l-filmat tal-għeluq u r-ritratti, u taqra l-istqarrija għall-istampa fil-paġna tal-avveniment hawnhekk.  (lm)