European Economic
and Social Committee
Irridu naġixxu malajr, iżda mingħajr ma nikkompromettu l-kwalità
Minn Giuseppe Guerini
Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili tal-KESE
Is-sena l-oħra, il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill Ewropew inkarigaw lil Mario Draghi u lil Enrico Letta biex jabbozzaw rapporti dwar il-kompetittività tal-UE u dwar it-titjib tas-suq uniku, rispettivament. Dawn ir-rapporti stabbilixxew aġenda politika ambizzjuża għall-Unjoni Ewropea, u qed iservu kemm bħala pjan direzzjonali kif ukoll bħala punt ta’ riferiment għall-valutazzjoni tal-impenn tal-istituzzjonijiet u ta’ dawk li jfasslu l-politika biex isawru l-futur tal-UE u l-kapaċità tagħhom li jagħmlu dan.
Dawn ir-rapporti jistgħu jintużaw biex ikejlu kemm l-istituzzjonijiet u l-mexxejja qed jirrispondu b’mod effettiv għall-isfidi kumplessi tal-lum.
L-Opinjoni tal-KESE dwar ir-rapporti sservi ta’ għodda siewja għall-evalwazzjoni tal-passi bikrija ta’ dan iċ-ċiklu politiku ġdid. L-ewwel pass jinsab rifless fil-Boxxla għall-Kompetittività, imnedija mill-Kummissjoni Ewropea fid-29 ta’ Jannar. Dan jinkludi diversi proposti ta’ prijorità għolja li ġew enfasizzati wkoll fl-Opinjoni tagħna, bħat-tnaqqis tad-distakk fil-kompetittività, l-ikkompletar tas-suq uniku, is-semplifikazzjoni tar-regolamenti mingħajr deregolamentazzjoni, u r-rikonoxximent li l-kompetittività tiddependi fuq in-nies u l-ħiliet.
Madankollu, lil hinn mid-distakk fil-kompetittività, hemm ukoll nuqqas ta’ azzjoni konkreta. Sa issa, il-Kummissjoni ppreżentat dokumenti strateġiċi, komunikazzjonijiet u impenji, iżda l-miżuri tanġibbli għadhom xhur ’il bogħod. Dan id-dewmien jenfasizza l-ħtieġa, kif innutat fl-Opinjoni tagħna, li l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri jibdew ukoll dibattitu dwar ir-regoli fundamentali tal-UE u r-rilevanza tat-Trattati attwali fl-indirizzar tal-isfidi attwali, li jeħtieġu azzjoni rapida.
Azzjoni rapida ma tfissirx li l-kwalità tiġi kompromessa. Fl-2020, il-Kummissjoni Ewropea wriet li kapaċi tagħmel dan meta implimentat f’qasir żmien l-inizjattiva Next Generation EU. Illum għandha turi l-istess aġilità.
Il-kisba ta’ dawn l-għanijiet teħtieġ approċċ multidimensjonali. It-tlestija rapida tas-suq uniku hija kruċjali, iżda trid timxi id f’id ma’ impenn qawwi għas-sostenibbiltà ambjentali, il-prosperità ekonomika u l-koeżjoni soċjali u territorjali, peress li dawn huma muturi ewlenin tal-kompetittività.
Din il-viżjoni titlob ukoll politika industrijali koeżiva li tmur lil hinn minn approċċi nazzjonali frammentati, appoġġjata minn inċentivi fiskali u doganali strateġiċi. Fl-istess ħin, it-tnaqqis tal-piżijiet burokratiċi u tal-ispejjeż tal-konformità permezz ta’ regolamentazzjoni aktar intelliġenti u proċessi amministrattivi semplifikati huwa essenzjali biex jitrawwem ambjent tan-negozju aktar dinamiku.
Fis-settur tal-enerġija, it-tnaqqis tad-disparitajiet fil-prezzijiet bejn l-Istati Membri u ekonomiji globali oħra huwa vitali. Dan se jirrikjedi aktar investiment fl-enerġija rinnovabbli, li jiżgura suq tal-enerġija aktar kompetittiv u sostenibbli.
Biex tappoġġja dawn l-ambizzjonijiet, l-UE jeħtiġilha tiżviluppa wkoll politika komuni dwar il-beni pubbliċi Ewropej, li tiddefinixxi b’mod ċar il-prijoritajiet strateġiċi tagħha u ssaħħaħ ir-rwol tagħha fix-xena globali.
Il-KESE se jkompli jissorvelja l-implimentazzjoni ta’ dawn il-politiki, u fl-istess ħin jiżgura li l-vuċi tas-soċjetà ċivili Ewropea titqies u tingħata widen.