European Economic
and Social Committee
Il-kompetittività akkost ta’ kollox? L-Ewropa m’għandhiex tħalli d-drittijiet soċjali u tax-xogħol jibqgħu lura
Mill-Grupp tal-Ħaddiema tal-KESE
Il-Grupp tal-Ħaddiema tal-KESE jwissi li d-drittijiet soċjali u tal-ħaddiema li tant stinkajna biex niksbuhom m’għandhomx jitwarrbu fl-isforzi tal-UE biex tibqa’ kompetittiva fl-ekonomija globali. Fost sejħiet għal aktar deregolamentazzjoni, l-UE ma għandhiex tmur passi lura fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni ewlenija, bħall-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.
Wara r-rakkomandazzjonijiet tar-rapporti ta’ Draghi u Letta, il-Kummissjoni ħarġet komunikazzjoni dwar il-Boxxla għall-Kompetittività li, ikkomplementata mill-inizjattivi orizzontali li ressqet, għandha l-għan li tagħti spinta lill-attivitajiet tan-negozji. L-għan huwa li jissaħħaħ il-vantaġġ kompetittiv tal-Ewropa.
Il-Grupp tal-Ħaddiema huwa mħasseb ħafna li d-drittijiet soċjali u tax-xogħol jistgħu jibqgħu lura fil-proċess, peress li l-UE tidher li għażlet li żżomm il-pass ma’ ekonomiji kompetittivi oħra akkost ta’ kollox.
Huwa għalhekk li l-Grupp tal-Ħaddiema ppropona sensiela ta’ Opinjonijiet fuq inizjattiva proprja li jindirizzaw il-kwistjoni tal-kompetittività mill-perspettiva tal-valur miżjud tal-kapital uman. Din hija l-proposta mħabbra għall-Opinjoni dwar “Ir-rwol tat-trade unions fit-titjib tal-produttività”. L-Opinjoni ser ikollha l-għan li turi li l-forza mexxejja wara l-produttività fl-UE (li taffettwa l-kompetittività) hija prinċipalment l-investiment fil-kapital uman (il-ħaddiema), kif ukoll fit-teknoloġija u l-innovazzjoni.
Ir-rwol ewlieni tat-trade unions huwa enfasizzat f’dan il-kuntest, peress li dawn jgħaqqdu ’l-ħaddiema individwali permezz ta’ negozjar u azzjoni kollettivi, li jsawru d-dinamika tas-suq tax-xogħol biex jgħinu fit-twettiq tal-wegħda ta’ ekonomija kompetittiva.
Bl-istess mod, studju li jmiss tal-Grupp tal-Ħaddiema se jkollu l-għan li janalizza u jevalwa s-sitwazzjoni attwali tal-leġiżlazzjoni tal-UE relatata mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. L-istudju se jkun għodda importanti għall-monitoraġġ tal-politika soċjali, peress li fit-tfittxija tagħha għall-perkors tad-deheb lejn il-kompetittività, l-Ewropa hija mistennija li tiffoka prinċipalment fuq l-ekonomija tagħha.
Fl-aħħar nett, fil-laqgħa tiegħu ta’ April tal-Kategorija “Il-vuċi tal-ħaddiema għal aktar parteċipazzjoni demokratika”, il-Grupp tal-Ħaddiema se jeżamina l-isforzi proposti biex jitnaqqsu l-piżijiet regolatorji fuq in-negozji – meqjusa bħala fattur li jnaqqas ir-ritmu tal-kompetittività tal-Ewropa – u l-impatt tagħhom fuq il-liġijiet tal-UE li jipproteġu lill-ħaddiema u l-ambjent, b’mod partikolari fil-kuntest tad-diliġenza dovuta tas-sostenibbiltà u r-rapportar korporattiv dwar is-sostenibbiltà.