European Economic
and Social Committee
COP16 U COP29: QED NIĠBDU T-TAPIT MINN TAĦT SAQAJNA
Minn Peter Schmidt, Diandra Ní Bhuachalla u Arnaud Schwartz
Il-KESE rrappreżenta s-soċjetà ċivili tal-UE fil-COP29 fil-belt kapitali tal-Ażerbajġan, Baku, u rrakkomanda azzjoni klimatika urġenti u tanġibbli u l-prijoritizzazzjoni tal-ġustizzja soċjali u ambjentali fin-negozjati dwar il-klima.
Peter Schmidt, president tal-Grupp Ad Hoc dwar il-COP, tkellem magħna dwar il-messaġġi ewlenin tal-KESE dwar it-tema ewlenija tal-COP29 – il-finanzjament għall-klima.
Peter Schmidt: Iż-żieda fl-avvenimenti klimatiċi estremi fid-dinja kollha hija tfakkira qawwija biex inżidu l-ambizzjoni klimatika. Dis-sena se tkun l-aktar sena sħuna li qatt ġiet irreġistrata, id-diżastri klimatiċi kkawżati mill-bniedem bħall-għargħar, in-nirien fis-selvaġġ u n-nixfiet qed iseħħu aktar ta’ spiss u b’intensità akbar, li jaggravaw l-inugwaljanzi soċjali. L-ispiża tan-nuqqas ta’ azzjoni klimatika taqbeż bil-bosta l-ispiża tal-azzjoni.
Ir-riskji fir-rigward tal-COP29 huma għoljin. Il-ftehim dwar soluzzjonijiet globali ta’ finanzjament għall-klima huwa kruċjali għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jisfruttaw il-mezzi għal azzjoni klimatika globali. Permezz tal-parteċipazzjoni tiegħu fil-COP29 f’Baku, il-KESE ressaq rakkomandazzjonijiet ibbażati fuq l-Opinjoni tagħna dwar il-finanzjament għall-klima li tiffoka fuq it-tfassil mill-ġdid tal-arkitettura finanzjarja internazzjonali biex jiġi sfruttat u ffaċilitat finanzjament għall-klima li jkun effettiv u aċċessibbli.
Enfasizzajna l-ħtieġa li jiġi stabbilit l-Għan Kollettiv Ġdid Kwantifikat biex jitnaqqsu d-distakki fil-finanzjament għall-klima, li għandu jagħmel il-finanzjament għall-klima aktar adatt għall-iskop tiegħu, favur il-bijodiversità, li jħalli impatt u mmirat b’mod preċiż lejn il-pajjiżi u l-komunitajiet l-aktar vulnerabbli. Il-flussi tal-finanzjament għall-klima għandhom ikunu ggwidati mill-prinċipji ta’ Tranżizzjoni Ġusta, f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi u mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli fil-qalba tagħhom. L-impenji fit-tul kemm mill-atturi pubbliċi u minn dawk privati huma kruċjali, u l-finanzi pubbliċi se jaqdu rwol kruċjali fil-mobilizzazzjoni u t-tnaqqis tar-riskji tal-investimenti privati għall-inizjattivi klimatiċi.
Waqt li l-aċċess għall-finanzjament għall-klima għandu jkun possibbli għal inizjattivi lokali u movimenti fil-livell lokali, il-Kumitat jappella wkoll għal approċċ komprensiv biex jinkiser iċ-ċiklu ta’ dejn u sottoinvestiment fl-adattament. Nappellaw għad-distribuzzjoni ekwa tal-fondi għall-klima biex jiġu indirizzati d-disparitajiet. Barra minn hekk, l-involviment tas-soċjetà ċivili huwa kruċjali għall-ħolqien ta’ approċċ inklużiv u demokratiku li jiżgura li l-investimenti klimatiċi jkunu effettivi u sostenibbli.
Id-delegata taż-żgħażagħ tal-KESE għall-COP (2023-2025), Diandra Ní Bhuachalla, tkellmet magħna dwar dak li qed tistenna mill-COP29. Mill-perspettiva ta’ żagħżugħa, liema huma l-aktar kwistjonijiet klimatiċi urġenti li jeħtieġ insolvu l-ewwel?
Diandra Ní Bhuachalla: Wara d-diżappunt tal-eżiti tal-COP28, ippruvajt inrażżan kemm jista’ jkun l-aspettattivi tiegħi għall-COP29. Fhimt li l-eżiti ta’ konferenza annwali oħra kienu se jkunu limitati minħabba l-għażla tal-Presidenza – għal darb’oħra Stat ieħor dipendenti ferm mill-profitti mill-fjuwils fossili – u ma kien faċli xejn għalija li nibqa’ nittama.
Madankollu, wara li kkonsultajt ma’ diversi organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ mill-Ewropa kollha permezz tal-laqgħat strutturati tat-Task Force għaż-Żgħażagħ bħala parti mill-programm Delegat taż-Żgħażagħ tal-KESE għall-COP, iddeċidejt li aħjar niffoka fuq il-Ġustizzja Klimatika u t-Tranżizzjoni Ġusta, il-Finanzjament għall-Klima u Għan Kollettiv Kwantifikat Ġdid, u ż-żieda fil-parteċipazzjoni sinifikanti taż-żgħażagħ fil-proċessi internazzjonali tat-teħid tad-deċiżjonijiet.
Issa li naf kemm negozjati ma waslu mkien fl-ewwel ġimgħa minħabba l-assenza totali ta’ ftehim u kooperazzjoni – inkluż dwar il-ġeneru, il-finanzjament għall-klima, u t-tranżizzjoni ġusta – irrealizzajt li l-aspettattivi tiegħi reġgħu kienu għoljin wisq u għalhekk iffukajt l-isforzi ta’ promozzjoni tiegħi fuq l-avvenimenti paralleli u l-laqgħat bilaterali. Bqajt nittama f’żewġ affarijiet: li ma nitilfux il-formulazzjoni eżistenti, speċjalment dwar id-drittijiet tal-bniedem, u li niksbu ftit progress biex ikollna l-affarijiet perfettament f’posthom bi tħejjija għall-COP30, li ħafna jidhru li qed jittamaw b’mod esklużiv fiha.
Minħabba n-natura intersezzjonali tat-tibdil fil-klima u l-effetti tiegħu, ma stajtx nipprova nikklassifika l-kwistjonijiet f’ordni ta’ importanza jew urġenza. Iż-żgħażagħ jinsabu inkwetati dwar il-futur tagħhom, fir-rigward tas-sigurtà tal-impjieg tagħhom u jekk humiex se jiġu mġiegħla jitħarrġu mill-ġdid; fir-rigward tal-akkomodazzjoni u l-familji tagħhom u s-sikurezza f’każ ta’ maltempati, għargħar u erożjoni; fir-rigward tas-saħħa u l-kwalità tal-ħajja tat-tfal futuri tagħhom jew tabilħaqq tal-ġenerazzjoni li jmiss; u fir-rigward ta’ kif il-ġenerazzjoni tagħna se tingħata l-kompitu ta’ negozjati dwar il-klima ferm aktar diffiċli meta aħna nsiru dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, minħabba li llum qajla qed tittieħed azzjoni anke jekk nafu li l-impatt ta’ dan se jibqa’ jinħass għal għexieren ta’ snin.
Neħtieġu l-ġustizzja klimatika issa. Neħtieġu finanzjament realistiku għall-klima issa. Neħtieġu impjieg u tranżizzjoni tal-enerġija ġusti u ekwi issa. Neħtieġu ambizzjoni issa. Neħtieġu l-implimentazzjoni issa.
Għandna bżonnkom ilkoll issa.
Il-COP16 dwar il-bijodiversità, li saret f’Cali, il-Kolombja f’Ottubru, intemmet b’mod diżorganizzat u mingħajr ftehim dwar il-finanzjament tan-natura. Staqsejna lil Arnaud Schwartz, rappreżentant tal-KESE fil-COP16, jekk nistgħux nibqgħu ottimisti minkejja dan l-intopp. X’azzjonijiet għandhom jittieħdu biex isir progress fil-protezzjoni tal-bijodiversità?
Arnaud Schwartz: 200 biljun dollaru fis-sena. Li – skont in-NU – huwa l-ammont ta’ flus meħtieġ (inklużi t-tipi kollha ta’ finanzjament – pubbliku, privat, nazzjonali u internazzjonali) biex jintlaħqu l-miri tagħna tal-bijodiversità. Allura dan x’jirrigwarda? Dan ma jirrigwarda xejn aktar ħlief li jitrażżan il-kollass tad-dinja tal-organiżmi ħajjin, li bħalissa qed jisparixxi b’rata dejjem aktar mgħaġġla, u huwa dwar ir-restawr tan-natura u l-għoti ta’ ċans ta’ sopravivenza f’dinja “abitabbli”, minflok ma titħalla tinqered mir-rgħiba u mill-istupidità.
X’inhu l-futur wara l-falliment tal-COP16?
Ilkoll kemm aħna għandna nistaqsu lilna nfusna din il-mistoqsija u nqajmuha ma’ dawk ta’ madwarna, speċjalment peress li diġà nafu li, fi Franza biss, kull sena, aktar minn kwart ta’ din is-somma qed jintefaq biex inħejju għal gwerra, jew biex niġġilduha. Fil-fatt, mil-lat globali, il-laqgħa ta’ Cali kienet opportunità mitlufa, minħabba n-nuqqas ta’ rieda politika u n-nuqqas ta’ solidarjetà ekonomika.
Madankollu, mhux kollox mitluf.
Għad hemm xaqq ta’ dawl inemnem: din il-COP irrikonoxxiet lill-popli indiġeni u lill-komunitajiet lokali għar-rwol tagħhom bħala gwardjani tal-bijodiversità – wara madwar 30 sena ta’ prevarikazzjoni – kif ukoll dawk ta’ oriġini Afrikana; inħoloq ukoll fond ġdid tan-NU, magħruf bħala l-Fond Cali. Fuq medda twila ta’ żmien, dan il-fond għandu jintuża biex jinġabru kontribuzzjonijiet volontarji minn kumpaniji privati, li nofshom se jmorru għall-gruppi ta’ nies imsemmijin hawn fuq. Wow!
Intom ... intom ... tabilħaqq ...
Intom parti minna; aħna parti minnkom. U sabiex inkomplu fil-perkors komuni tagħna, jista’ jkun utli li nibdew billi npoġġu l-ekonomija tagħna lura fit-triq it-tajba biex tkun ta’ benefiċċju għall-ġid komuni. Allura ... sabiex ma nibqgħux niġbdu t-tapit minn taħt saqajna, x’qed nistennew qabel ma nerġgħu nżuru r-regoli internazzjonali dwar il-finanzi u l-kummerċ?
Il-fokus primarju tad-delegati tal-KESE fil-COP29, Peter Schmidt u Diandra Ní Bhuachalla, kien il-finanzjament għall-klima, li fih kienu ggwidati mill-Opinjoni reċenti tal-KESE dwar Il-finanzjament għall-klima: pjan direzzjonali ġdid għat-twettiq tal-ambizzjoni klimatika għolja u l-SDGs. Wieħed mill-avvenimenti ewlenin immexxija mill-KESE f’Baku kien “A global perspective towards fostering a just transition in the agri-food sector” (Perspettiva globali lejn it-trawwim ta’ tranżizzjoni ġusta fis-settur agroalimentari) fit-18 ta’ Novembru. L-avveniment esplora l-bini ta’ sistemi tal-ikel sostenibbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju li huma ġusti għall-bdiewa, għall-ħaddiema fil-katina alimentari u għall-ġenerazzjonijiet futuri. L-għan kien li tittejjeb il-kollaborazzjoni bejn dawk li jfasslu l-politika u s-soċjetà ċivili, waqt li jiġu amplifikati l-vuċijiet min-Nofsinhar globali u jiġu avvanzati soluzzjonijiet klimatiċi inklużivi għal kulħadd.
Bħala membru tad-delegazzjoni tal-UE, Arnaud Schwartz ħa sehem f’laqgħat li appellaw għal sinerġiji akbar bejn il-proċessi tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika (KDB) u t-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), it-tneħħija gradwali ta’ sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent bħala mezz biex jiġu lliberati aktar riżorsi finanzjarji, u rwol aktar attiv għas-soċjetà ċivili organizzata fl-implimentazzjoni tal-Qafas Globali tal-Bijodiversità ta’ Kunming-Montreal. Tista’ ssib aktar informazzjoni dwar il-kontribut tal-KESE għall-COP16 hawnhekk.
Is-Sur Schwartz huwa r-relatur tal-Opinjoni tal-KESE Strateġija komprensiva għall-bijodiversità fil-COP16: inressqu s-setturi kollha flimkien għal għan komuni.