European Economic
and Social Committee
Il-KESE jappella għal inizjattiva ewlenija Ewropea għas-saħħa kif ukoll pjan ta’ azzjoni dwar il-mard rari
Il-KESE jappella għal inizjattiva ewlenija Ewropea għas-saħħa, li tipproponi l-ħolqien ta’ Unjoni Ewropea tas-Saħħa u jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tippubblika Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Mard Rari b’miri li jistgħu jintlaħqu b’mod ċar.
Matul dibattitu dwar “Inizjattiva ewlenija Ewropea għas-saħħa” li sar fil-plenarja tiegħu ta’ Ottubru, il-KESE appella lill-UE biex tniedi inizjattiva ambizzjuża, bil-għan li tinbena arkitettura tas-saħħa trasversali fi ħdan l-UE. Il-ħolqien ta’ Pjan ta’ Azzjoni Ewropew dwar il-Mard Rari (ARPD) kien ukoll fuq l-aġenda.
Fil-ftuħ tad-dibattitu, il-President tal-KESE Oliver Röpke qal: “Huwa kruċjali li kull persuna li tgħix fl-UE jkollha aċċess għal kura tas-saħħa ta’ kwalità li tkun affordabbli u aċċessibbli. Jeħtieġ li ninvestu f’sistemi tas-saħħa innovattivi u sostenibbli u nieħdu azzjoni soda biex niġġieldu l-inugwaljanzi fis-saħħa kemm fl-UE kif ukoll globalment. Il-mard rari jagħmel l-inugwaljanzi u l-vulnerabbiltajiet persistenti saħansitra aktar viżibbli. Huwa għalhekk li neħtieġu azzjoni Ewropea komprensiva dwar il-mard rari”.
Ir-relatur tal-Opinjoni dwar l-inizjattiva ewlenija Ewropea għas-saħħa, Alain Coheur, qal: “Illum qed nippruvaw nadottaw pjan direzzjonali għall-Kummissarji futuri tal-UE li se jippromovi l-kura tas-saħħa għal kulħadd u jipproteġi lin-nies kontra kriżijiet futuri”. Ágnes Cser, relatur tal-Opinjoni dwar il-mard rari, żiedet tgħid li: “Irridu noħorġu bi pjan ta’ azzjoni. Madankollu, m’għandniex niffukaw biss fuq il-pjan ta’ azzjoni dwar il-mard rari iżda wkoll fuq is-saħħa – is-saħħa hija ċ-ċavetta għall-kompetittività. L-Unjoni tas-saħħa tagħna ma tistax tibqa’ frażi fiergħa”.
L-Opinjoni dwar l-inizjattiva ewlenija Ewropea għas-saħħa tistabbilixxi pilastri strateġiċi biex jissaħħu s-solidarjetà u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri dwar is-saħħa. Fost dawn hemm l-istabbiliment ta’ garanzija Ewropea għall-kura u l-kura tas-saħħa li tistabbilixxi objettivi tas-saħħa pluriennali fil-livell tal-UE. Dan jista’ jwassal għall-ħolqien ta’ test legalment vinkolanti (bħal direttiva).
Pilastru ieħor huwa l-implimentazzjoni tal-approċċ “Saħħa Waħda” li jorbot il-politiki dwar il-bniedem, l-annimali, il-pjanti u l-ambjent. L-Opinjoni dwar l-indirizzar tal-mard rari tistieden lill-Kummissjoni tippubblika komunikazzjoni li tinkludi Pjan ta’ Azzjoni Ewropew komprensiv dwar il-Mard Rari (APRD), li jistabbilixxi miri speċifiċi, li jistgħu jitkejlu u jinkisbu, realistiċi u marbuta mal-ħin (SMART) li jistgħu jintlaħqu sal-2030. (lm)