Il-15-il Premju tal-KESE għas-Soċjetà Ċivili ingħata lil tliet rebbieħa li ġejjin mis-Slovakkja, minn Franza mill-Belġju, għall-ħidma ta’ ispirazzjoni tagħhom biex tiġi indirizzata l-polarizzazzjoni negattiva madwar l-Ewropa. Ir-rebbieħa ġew imħabbra fl-20 ta’ Marzu waqt ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet matul il-Ġimgħa tas-Soċjetà Ċivili.  

Il-flus tal-premju tqassmu bejn it-tliet premjijiet, bl-ewwel premju jirċievi EUR 14 000. It-tieni premju ngħata lil żewġ assoċjazzjonijiet, li t-tnejn li huma rċevew EUR 9 000.

L-EWWEL PREMJU: Slovak Debate Association tas-Slovakkja għal The Critical Thinking Olympiad.

L-assoċjazzjoni Slovak Debate Association hija NGO fis-Slovakkja. Il-missjoni tagħha hija li tippromovi mentalità miftuħa u ħsieb kritiku, u li trawwem ċittadinanza attiva fost iż-żgħażagħ Slovakki. Permezz ta’ sensiela ta’ programmi, Slovak Debate Association tgħallem liż-żgħażagħ jivvalutaw il-fatti u l-opinjonijiet, jifformulaw l-argumenti tagħhom stess u jaħsbu b’mod kritiku dwar l-output tal-media biex isibu sorsi kredibbli ta’ informazzjoni. B’dan il-mod, l-organizzazzjoni tifforma spazju għal dibattitu pubbliku miftuħ dwar kwistjonijiet ewlenin li tiffaċċja s-soċjetà Slovakka.

Wieħed mill-aktar programmi ta’ suċċess, li tnieda fl-2021, huwa l-Critical Thinking Olympiad. Huwa ntlaqa’ tajjeb ħafna, bi kważi 9 000 student minn aktar minn 300 skola li ħadu sehem is-sena l-oħra. Dan il-proġett innovattiv huwa kompetizzjoni li tibni r-reżiljenza kontra l-miżinformazzjoni fost l-istudenti. Id-diżinformazzjoni hija mifruxa ħafna fis-Slovakkja: 61% tas-Slovakki ma jafdawx il-media u aktar minn nofs il-popolazzjoni temmen fi wħud mit-teoriji ta’ komplott. Il-Critical Thinking Olympiad jaħdem biex jikkonfronta direttament din l-isfida billi jibni litteriżmu medjatiku u jibdel id-drawwiet tal-konsum fost iż-żgħażagħ.

Il-kompetizzjoni hija mmirata lejn tliet gruppi ta’ età tal-istudenti (snin skolastiċi 8-13), li fihom il-parteċipanti jiffaċċjaw firxa ta’ sfidi tal-media fid-dinja reali fi tliet ċikli. Il-kompiti huma mfassla biex jirriflettu l-kontenut li l-istudenti jistgħu jkunu esposti għalih fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Huma janalizzaw il-vidjos fuq TikTok, jivverifikaw il-fatti tal-kontenut maħluq mill-IA u jevalwaw il-posts ta’ Instagram, u jippruvaw jiddistingwu bejn ir-realtà u l-miżinformazzjoni. L-istudenti jieħdu sehem ukoll f’ċiklu ta’ taħdit pubbliku, fejn iridu jippreżentaw l-argumenti tagħhom lill-persuni tamparhom.

“Il-Critical Thinking Olympiad jgħin biex jiddepolarizza s-soċjetà billi jgħallem eluf ta’ studenti jinvolvu ruħhom ma’ persuni b’perspettivi differenti, jirrikonoxxu l-preġudizzji konjittivi u jartikolaw il-fehmiet tagħhom b’mod kostruttiv”, qal Richard Vaško, il-fundatur u l-koordinatur tal-programm. “Billi nsaħħu l-ħsieb kritiku u l-litteriżmu medjatiku permezz ta’ dan l-intervent ibbażat fuq il-ħiliet, qed nagħtu s-setgħa liż-żgħażagħ biex jirreżistu l-miżinformazzjoni u jinnavigaw l-isfumaturi tad-dibattiti soċjali”.

IT-TIENI POST: Reporters d'Espoirs ta’ Franza permezz tal-Prix Européen Jeunes Reporters d’Espoirs

Reporters d'Espoirs hija organizzazzjoni Franċiża mingħajr skop ta’ qligħ li ġiet iffurmata fl-2003. Hija tat bidu għall-approċċ ta’ ‘ġurnaliżmu tas-soluzzjonijiet’, li issa huwa forma ta’ ġurnaliżmu pprattikat b’mod wiesa’ li jfittex tweġibiet għall-isfidi li qed tiffaċċja s-soċjetà llum. L-organizzazzjoni tħeġġeġ lill-ġurnalisti jadottaw din il-mentalità pożittiva u tippremja l-aħjar innovazzjonijiet ta’ rapportar u editorjali tal-ġurnalisti u taż-żgħażagħ permezz ta’ sensiela ta’ premjijiet.

Il-Prix Européen Jeunes Reporters d’Espoirs hija inizjattiva kemm biex tippremja kif ukoll biex tħarreġ lill-ġurnalisti fil-ġurnaliżmu tas-soluzzjonijiet bil-lingwa Franċiża. Il-programm multidimensjonali joffri lill-kandidati l-opportunità li jitgħallmu l-ġurnaliżmu tas-soluzzjonijiet permezz ta’ kors online li jsir flimkien mal-Iskola tal-Ġurnaliżmu ta’ Aix-Marseille. Kull kandidat ikollu wkoll mentor biex jgħinu jtejjeb il-ħiliet tal-kitba u tad-diskors tiegħu u jitħarreġ fl-arti tal-pitching. Ir-rebbieħa huma mistiedna wkoll f’Pariġi għal vjaġġ ta’ tagħlim ta’ 48 siegħa li matulu jiltaqgħu ma’ ġurnalisti u esperti oħra tal-istess fehma minn madwar l-Ewropa. Sitt rebbieħa mbagħad jingħataw premjijiet li jammontaw għal EUR 10 000.

“Il-ġlieda kontra l-polarizzazzjoni hija inerenti fil-metodu tal-ġurnaliżmu tas-soluzzjonijiet: huwa juri l-kumplessità tad-dinja, id-diversità tal-atturi li jaġixxu fil-livelli kollha u fil-pajjiżi kollha, flimkien jew b’mod separat, u jiddeskrivi l-kapaċità li għandhom inizjattivi lokalizzati biex jinxterdu”, qal Gilles Vanderpooten, direttur ta’ Reporters d’Espoirs.

Matul l-ewwel tliet edizzjonijiet tiegħu, il-premju rċieva aktar minn 400 applikazzjoni minn 25 pajjiż. L-edizzjoni attwali, ir-raba’ waħda, tinsab viċin li taqbeż it-300 applikazzjoni. L-organizzazzjoni diġà appoġġjat aktar minn 75 kandidat biex jipperfezzjonaw il-Franċiż miktub u mitkellem tagħhom.

L-idea tista’ faċilment tiġi replikata, u t-tim diġà qed jiddiskuti ma’ ġurnalisti fi Spanja, l-Italja u l-Belġju biex jissieħeb magħhom u l-premju jkompli jikber.

“L-ambizzjoni tagħna hija li nespandu l-premju mid-dinja li titkellem bil-Franċiż għal lingwi oħra tal-Unjoni Ewropea”, qal is-Sur Vanderpooten. “Din hija ċ-ċavetta biex aktar u aktar żgħażagħ jinvolvu ruħhom fl-‘Ewropa tas-soluzzjonijiet’”.

IT-TIELET POST: FEC Diversité asbl tal-Belġju għall-proġett tagħhom ESCAPE GAME EXTREME DROITE pour se désintoxiquer

Fl-Ewropa u madwar id-dinja, l-ideoloġiji tal-lemin qed jissodaw. Il-partiti tal-lemin estrem qed jiżdiedu u l-populiżmu qed jiżdied. L-organizzazzjoni Belġjana mingħajr skop ta’ qligħ FEC Diversité fasslet mod kif tiġġieled dawn il-fehmiet indirizzat għall-għalliema, l-unions u ċ-ċittadini ordinarji.

ESCAPE GAME EXTREME DROITE pour se désintoxiquer hija logħba ta’ ħarba li permezz tagħha min ikun qed jilgħab “jiddekontamina” ruħu mill-ideat tal-lemin estrem b’mod divertenti u interessanti. Il-plejers jiġu infurmati li ġew infettati b’ideoloġiji tal-lemin estrem u jridu jiddekontaminaw lilhom infushom permezz ta’ sensiela ta’ kompiti. B’dan il-mod, huma jitgħallmu kif l-ideat tal-lemin estrem jinxterdu u jiġu amplifikati permezz tas-soċjetà.

Il-logħba hija magħmula minn erba’ distretti, kull distrett għandu testijiet speċifiċi li l-plejers iridu jgħaddu minnhom. Fid-distrett A, il-parteċipanti jinvolvu ruħhom f’diskussjonijiet dwar l-impatt tal-lemin estrem fuq il-post tax-xogħol, permezz ta’ interazzjonijiet ma’ 19-il oġġett. Fid-distrett B, il-plejers jaqraw testimonjanzi reali tal-migranti biex jifhmu l-vjaġġi tagħhom lejn l-Ewropa. Fid-distrett C, l-awdjo ta’ “diskors fuq il-lemin estrem” huwa akkumpanjat minn sensiela ta’ immaġnijiet. Fid-distrett D, il-plejers jinvolvu ruħhom f’rapport ma’ partit tal-lemin estrem, qabel ma jimlew tisliba.

Il-logħba immersiva tinkludi kowċis b’ilbies u maskri kontra l-gass, u b’vuċijiet mibdula. L-idea permezz tad-diversi sfidi hija li jiġu involuti l-ħames sensi kollha biex verament tinkiseb l-esperjenza u titqajjem kuxjenza dwar ir-riskji għad-demokrazija fl-Ewropa.

Mit-tnedija tagħha f’Ġunju 2023, kważi 1,000 pleyer ġew “detossikati”, u l-kelma nfirxet fost l-unions tal-ħaddiema, l-organizzazzjonijiet u l-iskejjel fil-Belġju u lil hinn. Parteċipanti minn Franza u l-Bulgarija ġew jilagħbu l-logħba bl-għan li joħolquha post ieħor.

“Aħna kburin li żviluppajna għodda edukattiva innovattiva li tindirizza l-kwistjoni tal-ideat tal-lemin estrem b’mod interessanti u interattiv,” qalet Malika Borbouse minn FEC Diversité. “Permezz tat-trawwim tad-djalogu u r-riflessjoni kollettiva, l-inizjattiva tagħna għenet biex jitnaqqsu t-tensjonijiet u tiġi promossa soċjetà aktar inklużiva”.