Aktar u aktar Ewropej huma mħassba dwar il-fatt li ma jkunux jistgħu jsibu akkomodazzjoni deċenti li jistgħu jaffordjaw. Ir-riskju huwa nuqqas ta’ akkomodazzjoni, pressjoni finanzjarja, nuqqas ta’ sigurtà tal-akkomodazzjoni u saħansitra problema ta’ persuni mingħajr dar. L-akkomodazzjoni mhux affordabbli tista’ taffettwa s-saħħa u l-benesseri tan-nies, twassal għal kundizzjonijiet u opportunitajiet tal-għajxien mhux ekwi u tirriżulta fi spejjeż tal-kura tas-saħħa, produttività aktar baxxa u ħsara ambjentali.

Konferenza reċenti organizzata mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) fi Brussell bagħtet twissija ċara: il-kriżi tal-akkomodazzjoni fl-Ewropa qed taggrava u qed iġġib magħha għadd ta’ effetti sekondarji.

Skont studju reċenti tal-Eurofound, il-kriżi tal-akkomodazzjoni taffettwa liż-żgħażagħ b’mod partikolari, u żżommhom milli jitilqu mid-dar tal-familja tagħhom. L-età li fiha mill-inqas 50% tan-nies fl-UE kienu qed jgħixu barra d-dar tal-ġenituri tagħhom żdiedet minn 26 għal 28 bejn l-2007 u l-2019. Bejn l-2010 u l-2019, Spanja, il-Kroazja, l-Italja, Ċipru, il-Belġju, il-Greċja u l-Irlanda ffaċċjaw l-akbar żidiet fil-persuni ta’ bejn il-25 u l-34 sena li jgħixu mal-ġenituri tagħhom.

Matul is-snin, il-KESE fittex li jiġbed l-attenzjoni dwar kwistjonijiet ta’ akkomodazzjoni madwar l-UE. Fl-2020, il-Kumitat adotta Opinjoni dwar Aċċess universali għal akkomodazzjoni deċenti, sostenibbli u affordabbli fit-tul, abbozzata mill-membri tiegħu Raymond Hencks u András Edelényi u appella għal pjan ta’ azzjoni Ewropew dwar l-akkomodazzjoni.

Bir-rakkomandazzjonijiet ta’ din il-konferenza, il-KESE beħsiebu jagħti impetu politiku lid-dibattitu u jiżgura li l-kriżi tal-akkomodazzjoni tal-UE tkun fuq l-aġenda 2024-2029 tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni l-ġodda. L-Unjoni Ewropea għandha tiġbor flimkien ir-riżorsi biex tiġġieled in-nuqqas ta’ akkomodazzjoni deċenti u affordabbli. (mp)