F’Opinjoni fuq inizjattiva proprja adottata fis-sessjoni plenarja tal-KESE ta’ Ottubru, il-KESE appella sabiex il-mobilità tiġi rikonoxxuta bħala dritt individwali u bħala ben pubbliku li għandu jkun disponibbli għal kulħadd.

L-Opinjoni tal-KESE mfassla minn Kristina Krupavičienė u Dovilė Juodkaitė, tenfasizza li l-mobbiltà sostenibbli tista’ tagħmel l-irkupru ekoloġiku tal-UE realtà: it-trasport pubbliku li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent u li hu faċli biex jintuża mill-utent jista’ jkun xprun ġenwin fl-irkupru wara l-pandemija tal-COVID-19.

“Il-pandemija kienet katalist, u wriet li t-trasport pubbliku huwa servizz essenzjali fl-interess pubbliku, speċjalment billi jipprovdi aċċess għall-impjiegi u s-servizzi għall-ħaddiema tal-ewwel linja u għall-gruppi vulnerabbli”, qalet is-Sinjura Krupavičienė.

Skont il-KESE, l-UE għandha bżonn strateġiji biex taġġorna l-mobbiltà u ttejjeb it-trasport pubbliku, u tagħmlu aktar attraenti u aċċessibbli għall-membri tal-pubbliku, speċjalment dawk bi dħul baxx.

It-trasport pubbliku jista’ jkun parti ewlenija mill-irkupru tal-Ewropa wara l-pandemija: jista’ jgħin biex jindirizza t-tħassib dwar il-klima u fl-istess ħin itejjeb il-kwalità tal-ħajja billi jippermetti lin-nies jaħdmu, igawdu ħajja soċjali u jaċċessaw il-kultura. Madankollu, biex tinkiseb mobbiltà sostenibbli hemm bżonn impenn politiku qawwi mill-atturi kollha u fil-livelli kollha.

“Qed nistiednu lill-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi miri li jistgħu jitkejlu u ambizzjużi għall-promozzjoni tat-tranżizzjoni mill-użu tal-karozzi privati għat-trasport kollettiv u l-mobbiltà attiva, u nħeġġu lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni lejn mezzi tat-trasport aktar ekoloġiċi billi jagħmluhom aktar attraenti”, qalet is-Sinjura Juodkaitė. (mp)