Rapport ġdid mill-Grupp dwar id-Drittijiet Fundamentali u l-Istat tad-Dritt (DFID) tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jenfasizza l-isfidi li qed jikbru li jiffaċċaw organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-Ewropa. Ir-rapport ġie żvelat fis-7 ta’ Novembru matul il-konferenza tal-Grupp dwar id-Drittijiet Fundamentali u l-Istat tad-Dritt dwar il-qagħda attwali tal-istat tad-dritt u l-impatt tiegħu fuq l-ispazju ċiviku.

Ir-raba’ konferenza annwali tal-KESE dwar id-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt eżaminat ix-xejriet u l-isfidi emerġenti, u r-rwol indispensabbli tas-soċjetà ċivili fis-superviżjoni u ż-żamma tal-istat tad-dritt ibbażat fuq ir-rapport tal-Grupp DFID u fuq ir-Rapport tal-Kummissjoni Ewropea għall-2023 dwar l-Istat tad-Dritt.

Il-President Oliver Röpke enfasizza ċ-ċentralità tad-difiża tal-libertà, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, u ppropona l-istabbiliment ta’ Forum tas-Soċjetà Ċivili dwar id-Drittijiet Fundamentali u l-Istat tad-Dritt. Il-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja, Didier Reynders, semma r-rwol vitali tas-soċjetà ċivili fil-ħarsien tal-istat tad-dritt, u sejjaħ għall-protezzjoni, l-appoġġ u l-għoti tas-setgħa tagħha.

Ir-raba’ edizzjoni tar-Rapport tal-Kummissjoni dwar l-Istat tad-Dritt ġiet adottata f’Lulju 2023. Bħall-edizzjoni tal-2022, ir-Rapport fih rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż għal kull Stat Membru. Ir-rapport ta’ din is-sena jevalwa wkoll il-progress li sar fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet mis-sena ta’ qabel, li bejn wieħed u ieħor żewġ terzi minnhom ġew indirizzati b’mod sħiħ jew parzjali, skont il-Kummissjoni.

Matul il-konferenza, il-Grupp DFID tal-KESE ħareġ ir-rapport tiegħu bbażat fuq żjarat fil-pajjiżi, fil-Greċja, il-Finlandja, il-Portugall, is-Slovakkja, is-Slovenja, u l-Iżvezja fl-2022. Ir-rapport jiżvela li l-ebda Stat Membru ma huwa eżentat mill-isfidi, u jidentifika xejriet u theddid urġenti għad-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt fl-Ewropa. Dawn l-isfidi jinkludu ostakli li jiltaqgħu magħhom l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jiksbu finanzjament, bidliet soċjoekonomiċi li qed jevolvu fis-settur tal-midja u kwistjonijiet persistenti relatati mal-ħeffa tal-ġustizzja – li kollha huma evidenti f’diversi pajjiżi Ewropej.

Paul Soete, il-president tal-Grupp DFID, jappella għal appoġġ aktar b'saħħtu fil-livelli nazzjonali u tal-UE biex jiġu salvagwardjati l-ispazju ċiviku u d-demokrazija kollha kemm hi. (gb)