Għeżież qarrejja,

Nixtieq nuża din il-pjattaforma biex niġbdilkom l-attenzjoni għal żewġ inizjattivi tal-KESE li se jsiru dalwaqt u li se jindirizzaw l-akbar kwistjonijiet li qed tiffaċċja d-dinja llum: l-emerġenza klimatika u l-gwerra fl-Ukrajna.

Il-laqgħa annwali tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (COP27) se ssir f’Sharm El-Sheikh, l-Eġittu, mis-6 sat-18 ta’ Novembru. Ir-riskji ma setgħux ikunu ogħla, hekk kif avvenimenti estremi tat-temp, li ilhom jitbassru mill-mudelli tat-tibdil fil-klima u li qed joħolqu qerda enormi u tbatija tremenda madwar id-dinja kollha, żiedu l-urġenza. Din il-ġimgħa, hekk kif il-mexxejja dinjija qed jippreparaw biex jiltaqgħu u għal darb’oħra jippruvaw jilħqu ftehim li jista’ jġib lid-dinja lura mix-xifer tal-katastrofi tal-klima, il-KESE se jkun qed jivvota fuq riżoluzzjoni indirizzata lilhom. Ir-Riżoluzzjoni tappella għal deċiżjonijiet kuraġġużi dwar il-kwistjonijiet ewlenin li qed jiġu diskussi: il-finanzjament, l-adattament, it-telf u l-ħsara relatati mal-klima u aktar azzjoni ambizzjuża. Din tirrikonoxxi li s-setturi kollha għandhom rwol x’jaqdu. Fil-KESE, żviluppajna pożizzjonijiet b’saħħithom dwar dawn l-elementi kollha f’dawn l-aħħar snin. Leħen l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huwa qawwi u ċar. 
Huwa essenzjali li nirrikonoxxu l-emerġenza klimatika bħala kwistjoni ta’ urġenza. L-impatti tat-tibdil fil-klima jaffettwaw lis-soċjetà, liċ-ċittadini, lill-ekonomija, lill-istabbiltà soċjali – din mhijiex biss kwistjoni ambjentali, iżda hija theddida eżistenzjali. Inħeġġeġ lilkom u lill-organizzazzjonijiet tagħhom biex tgħinu twasslu l-messaġġ tar-Riżoluzzjoni tagħna sabiex leħen is-soċjetà ċivili Ewropea jasal sa Sharm el-Sheikh.

Wara, fl-24 u l-25 ta’ Novembru, il-KESE se jospita dibattitu tripplu f’Zagreb, il-Kroazja dwar il-gwerra fl-Ukrajna u l-impatt tagħha fuq l-UE, fejn se jiġu diskussi tliet mistoqsijiet kruċjali: Kif il-gwerra u l-istatus il-ġdid ta’ kandidat tal-Ukrajna se jaffetwaw it-tkabbir tal-UE u l-prospetti għall-kandidati dejjiema? X’se jkunu r-riperkussjonijiet tagħha fuq l-għażliet tal-enerġija tal-Ewropa u t-triq lejn in-newtralità karbonika fost il-prezzijiet tal-enerġija li qed jogħlew, li qed iħarbtu l-ekonomija u jittestjaw is-saħħa tar-rieda ekoloġika tal-pajjiżi tagħna? Il-komunikazzjoni qed taqdi rwol ewlieni f’din il-gwerra: min qd jirbaħ u x’hemm ġdid f’dan ir-rigward, u l-Ewropa kif qed tlaħħaq ma’ mewġa oħra ta’ diżinformazzjoni? 

Din is-sena esperti distinti u opinjonisti ser jaqsmu wkoll il-fehmiet tagħhom u jiddibattu mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li qed jitħabtu bir-riperkussjonijiet tal-gwerra, kemm jekk bħala impjegaturi b’kontijiet enormi tal-enerġija li qed jheddu n-negozji tagħhom, ħaddiema li qed isibuha diffiċli jsaħħnu djarhom u jlaħħqu mal-ħajja jew attivisti li qed jilqgħu l-influss kbir ta’ refuġjati. L-organizzazzjoni tagħkom x’aktarx li qed tħabbat wiċċha ma’ dawn il-problemi wkoll, għalhekk jista’ jkun li tixtiequ tingħaqdu mal-avveniment online. Bil-qalb kollha tistgħu tieħdu sehem fil-konverżazzjoni u tgħinu żżommu ħajja l-kultura ta’ djalogu kostruttiv u l-informazzjoni vverifikata f’dawn iż-żminijiet koroh, fejn it-tnejn li huma qed jiġu mhedda.

Għalhekk, komplu segwuna!

Cillian Lohan
Viċi President tal-KESE għall-Komunikazzjoni