F’Opinjoni fuq inizjattiva proprja, il-KESE jipproponi li jinħoloq fond ta’ aġġustament għall-klima biex jiġi żgurat rispons rapidu għal kriżijiet ġodda tal-klima u tal-enerġija. Il-fond ta’ aġġustament għall-klima jikkomplementa l-politiki eżistenti tal-UE u jiżgura użu aktar effettiv tal-finanzjament eżistenti.

Pereżempju, filwaqt li pprovda appoġġ impressjonanti lill-Istati Membri mill-2002, il-Fond ta’ Solidarjetà tal-UE, bil-baġit annwali tiegħu ta’ EUR 500 miljun, ma jistax ikopri l-ispejjeż tal-ħsara kkawżata minn diżastri naturali fl-2021. L-għargħar fl-Ewropa tal-Punent biss swew madwar EUR 38 biljun.

Ir-Relatur Ioannis Vardakastanis jgħid: “il-viżjoni tagħna għal fond ta’ aġġustament għall-klima hija li niżguraw mekkaniżmu ta’ finanzjament b’saħħtu bl-użu ta’ fondi eżistenti tal-UE biex jirrispondu malajr għall-emerġenzi u jgħinu biex komunitajiet bil-ħsara jinbnew mill-ġdid. Huwa mod ambizzjuż ħafna biex jerġgħu jinbnew u jiġu protetti żoni milquta minn kriżijiet urġenti tal-klima, l-enerġija u l-ambjent”.

Barra minn hekk, il-kriżi tal-enerġija attwali ma kinitx fuq l-aġenda meta tfasslu l-baġit tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali tal-UE għall-2021 sal-2027 u l-pjan ta’ rkupru NextGenerationEU. Il-fond ta’ aġġustament għall-klima jindirizza l-ħtieġa għal investiment urġenti f’sorsi alternattivi tal-enerġija b’mod aktar effettiv mill-mekkaniżmi eżistenti. Dan huwa speċjalment rilevanti issa, fejn ħafna nies ma jistgħux iħallsu l-kontijiet tal-gass jew tad-dawl tagħhom.

“M’aħniex lesti b’mod adegwat biex nirrispondu għall-emerġenzi u d-diżastri minħabba t-tibdil fil-klima u l-kriżi tal-enerġija, jew f’termini ta’ volum ta’ fondi jew ta’ puntwalità”, tgħid Judith Vorbach, korelatur għall-Opinjoni. “L-istabbiliment ta’ fond ta’ aġġustament għall-klima jkun għodda importanti biex tissolva dil-problema”. (tk)