Christa Schweng dehret l-ewwel darba bħala president eletta tal-KESE f’dibattitu inawgurali mal-mexxejja tal-UE l-għada tal-ħatra tagħha fil-plenarja ta’ Ottubru.

Id-dibattitu, li sar online, iffoka fuq L-Irkupru għall-ġejjieni tal-Ewropa, b’kontributi mill-presidenti tal-istituzzjonijiet ewlenin kollha tal-UE, li rriflettew dwar ir-rwol li s-soċjetà ċivili jista’ jkollha fl-indirizzar tal-isfidi li bħalissa qed jiffaċċjaw l-Ewropa u d-dinja kollha.
Christa Schweng, il-President eletta tal-KESE, qalet li l-Kumitat jaqdi rwol ewlieni biex leħen is-soċjetà ċivili organizzata jinstema’ fil-livell Ewropew.

“Bis-saħħa tal-kontribut tas-soċjetà ċivili organizzata”, hija qalet, “Il-politiki Ewropej jistgħu jirriflettu s-sitwazzjoni fil-prattika b’mod aktar preċiż u jistgħu jiġu implimentati b’mod aktar effettiv fil-livell nazzjonali jew lokali”.

Dan ir-rwol, skont is-Sinjura Schweng, mhuwiex biss pożittiv, iżda tabilħaqq meħtieġ: “L-esperjenza prattika ta’ min iħaddem, tal-ħaddiema, tal-konsumaturi, tal-bdiewa u tal-NGOs hija essenzjali biex tissawwar Ewropa aħjar. Aħna naġixxu bħala pont: jeħtieġ li nwettqu dak ir-rwol, u ninsab konvinta li nistgħu nagħmlu dan".

Il-Viċi Presidenti eletti tal-KESE ħadu sehem ukoll fid-dibattitu. Giulia Barbucci, Viċi President għall-Baġit, fakkret li l-UE wettqet biċċa xogħol kbira fl-indirizzar tal-kriżi attwali, iżda dak li għadu nieqes huwa l-involviment fundamentali taċ-ċittadini, u l-KESE jista’ jaqdi rwol importanti ħafna f’dan ir-rigward.

Cillian Lohan, Viċi President għall-Komunikazzjoni, saħaq li l-membri tal-KESE għandhom perspettiva unika dwar l-impatt tal-UE fuq il-ħajja ta’ kuljum f’setturi differenti tas-soċjetà.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, ħadet sehem ukoll fid-dibattitu b’messaġġ bil-vidjo, u flimkien mal-President tal-Parlament Ewropew David Maria Sassoli, il-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel u l-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, Apostolos Tzitzikostas, xtaqet lil Christa Schweng l-isbaħ xewqat għall-mandat tagħha. Ilkoll esprimew apprezzament kbir għall-kontributi tal-KESE u ddeskrivew il-ħtieġa li l-vuċi tas-soċjetà ċivili Ewropea tingaħta widen. (dgf)