F’Opinjoni adottata fil-plenarja tiegħu ta’ Settembru, il-KESE ħares aktar mill-qrib lejn l-Istrateġija ta’ Ġestjoni Integrata Ewropea tal-Fruntieri, u appella għal strateġija kondiviża, koordinazzjoni mtejba, u protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

L-iżgurar tal-effettività tal-ġestjoni tal-fruntieri Ewropej mhuwiex biss kwistjoni ta’ sigurtà. Huwa wkoll dwar l-iżgurar li nħarsu l-valuri li l-Unjoni Ewropea hija bbażata fuqhom. Il-KESE jemmen bis-sħiħ li neħtieġu pjan ċar biex intejbu l-proċess fil-fruntieri esterni tagħna.

Il-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri għandha l-għan li ttejjeb il-koordinazzjoni bejn l-aġenziji u l-istrumenti tal-UE u dawk tal-Istati Membri inkarigati mir-responsabbiltajiet tal-ġestjoni tal-fruntieri. Din trid tinkludi enfasi qawwija fuq l-iskambju ta’ informazzjoni u l-kultivazzjoni ta’ kultura komuni tal-fruntieri u tiggarantixxi l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem.

Waqt li l-istituzzjonijiet nazzjonali tal-fruntieri jaqdu rwol ċentrali, il-KESE jqajjem tħassib sinifikanti li l-istrateġija tonqos milli tispeċifika l-impenji tal-istituzzjonijiet nazzjonali tal-fruntieri. Cristian Pîrvulescu, ir-relatur għall-Opinjoni, u José Antonio Moreno Diaz, il-korelatur, iqisu li huwa importanti li l-qafas tal-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri jintuża biex kull Stat Membru jintalab pjan tad-drittijiet fundamentali fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri, li jikkomplementa l-attivitajiet tal-Frontex.

Il-Kumitat jiddispjaċih ukoll li fil-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri, il-prattika tal-pushbacks mhijiex rikonoxxuta u indirizzata b’mod adegwat, u jappella sabiex il-Kummissjoni tfassal pjani ċari f’dan ir-rigward u tirrikjedi li l-istituzzjonijiet nazzjonali tal-fruntieri jevitaw dawn il-prattiki inaċċettabbli. Ir-rispett għad-drittijiet fundamentali huwa obbligu legali għall-istituzzjonijiet kollha tal-UE u dawk nazzjonali, u għandu jiġi ttrattat b’mod adegwat. II-politika barranija jew il-politika ta’ kooperazzjoni tal-UE fl-ebda ċirkostanza ma għandha tiddependi fuq il-kooperazzjoni tal-pajjiżi ta’ oriġini fil-proċessi ta’ ritorn u ta’ riammissjoni. (gb)