Minn Stefano Mallia, President tal-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE

Wara l-aħħar diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen, l-impjegaturi jinnutaw bi pjaċir li l-kompetittività tinsab lura fuq l-aġenda wara snin fejn din ġiet imwarrba.

Hija tabilħaqq aħbar tajba li Mario Draghi ntalab iħejji rapport dwar il-futur tal-kompetittività sabiex in-negozju jsir aktar faċli fl-Ewropa u li jerġa’ jinkiseb l-vantaġġ kompetittiv. Is-sehem tal-UE tal-ekonomija globali ilu snin twal jonqos, u huwa previst li jkun inqas minn 10% sal-2050.

Biex insemmi xi ftit eżempji: l-Ewropa għandha uħud mill-aktar bejjiegħa bl-imnut produttivi iżda ma għandhiex pjattaforma ta’ bejgħ online li tqabbilha mad-daqs tal-bejjiegħa bl-imnut online Amerikani u Ċiniżi. L-Ewropa hija b’saħħitha fis-software wkoll, iżda mhux qed tingrana l-pożizzjoni tagħha biex tistabbilixxi kumpanija tas-software minn negozju għal negozju ewlenija fid-dinja.

Ir-realtà hija li meta mqabbel mal-kompetituri tagħna, in-negozji tal-UE huma mtaqqla b’ostakli amministrattivi sinifikanti li jfixxklu l-abbiltà tagħhom li jinvestu u li jgħaddu b’mod effettiv mit-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali.

Ħafna mill-inizjattivi l-ġodda msemmija minn von der Leyen huma fil-qalba tal-ħidma tagħna, bħal li jkun hemm il-kontroll tal-kompetittività, li jitħaffu l-permessi għall-enerġija mir-riħ, djalogi settorjali bil-għan li jiġu appoġġjati mudelli tan-negozju għat-tranżizzjoni, is-Summit tal-Imsieħba Soċjali f’Val Duchesse, u fl-aħħar u mhux l-inqas ir-rapport ta’ Draghi dwar il-kompetittività, li jrid jinkludi wkoll ħarsa lejn is-suq uniku, aspett li kien kompletament nieqes mid-diskors ta’ von der Leyen.

Peress li din il-leġiżlatura dalwaqt se tkun qiegħda f’ambjent ta’ kampanja elettorali fil-bidu tal-2024 għall-elezzjonijiet Ewropej, ippermettuli nkun xi ftit pessimist, minkejja t-ton pożittiv ta’ dan id-diskors importanti. Iż-żmien huwa qasir. Biex nerġgħu niksbu l-kompetittività għandna bżonn rieda politika issa. Hemm bżonn urġenti li nnaqqsu d-distakk bejn ir-retorika u r-realtà. Iż-żmien mhux favurina.

Il-Grupp ta’ Min Iħaddem se jorganizza laqgħa straordinarja f’Valencia fl-aħħar ta’ Novembru biex preċiżament jiddiskuti l-isfidi u l-opportunijiet li qed niffaċċjaw.