Suq intern aktar b’saħħtu permezz ta’ tassazzjoni diġitali uniformi

F’Opinjoni esploratorja, il-KESE jinsisti fuq l-importanza ta’ leġiżlazzjoni Ewropea kkoordinata li tistabbilixxi rati tat-taxxa għall-kumpaniji tas-servizzi diġitali. Dan se jiżgura ambjent tan-negozju li jiffavorixxi t-tkabbir u jkun ta’ benefiċċju għas-suq intern, filwaqt li jevita l-lakuni li jinħolqu minn inizjattivi nazzjonali separati. L-Opinjoni tal-Kumitat, li tfasslet fuq talba tal-Presidenza Ċeka tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, tiddikjara li kwalunkwe regola ġdida għandha tevita t-tassazzjoni doppja, u għandha timminimizza l-ispejjeż ta’ konformità għan-negozji.

Għalkemm l-UE jista’ jkollha rwol ewlieni fid-definizzjoni ta’ regoli dwar it-tassazzjoni tal-ekonomija diġitali, hija għandha tirrispetta l-ftehim internazzjonali li ntlaħaq mill-OECD/G20. Dwar dan il-ftehim, ir-relatur Benjamin Rizzo stqarr li: “kemm il-Pilastru 1 u l-Pilastru 2 tal-Qafas Inklużiv tal-OECD dwar l-Erożjoni tal-Bażi tat-Taxxa u t-Trasferiment tal-Profitti jridu jiġu implimentati fl-UE malli dan ikun fattibbli. Dan se jgħin biex jinkiseb livell għoli ta’ konsistenza mal-ftehim internazzjonali li se jiġi nnegozjat mill-OECD/G20”. Il-korelatur Petru Dandea żied jgħid li: “Il-KESE jenfasizza li liġijiet internazzjonali tat-taxxa mfasslin tajjeb dwar in-negozji diġitali huma strumentali biex jipprevjenu prattiki tal-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, kif ukoll fit-tfassil ta’ sistema ta’ tassazzjoni ġusta, stabbli u progressiva”. (tk)