Intervista esklużiva ma’ Matthew Caruana Galizia, ġurnalist investigattiv u direttur tal-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia f’Malta.

“Naħdem fil-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia f’Malta, li hija msemmija għal ommi, Daphne. Hija ħadmet bħala ġurnalista għal 30 sena, u kienet tinvestiga korruzzjoni ta’ livell għoli u kwistjonijiet soċjali f’Malta, u nqatlet waqt li kienet qiegħda taħdem fuq waħda mill-aktar investigazzjonijiet importanti tagħha, fis-16 ta’ Ottubru 2017. Jiena xhud ta’ dan il-qtil. U minn dak iż-żmien ’l hawn, flimkien mal-familja tiegħi, qegħdin niġġieldu sabiex isseħħ il-ġustizzja fil-konfront tagħha”.

KESE info: Is-sitwazzjoni tal-ġurnalisti tjiebet mill-qtil ta’ ommok ’l hawn?

Matthew Caruana Galizia: B’mod ġenerali, fir-rigward tal-ġurnalisti hemm rikonoxximent ġdid fi ħdan il-Kummissjoni dwar l-importanza tal-ħidma investigattiva u l-gravità tal-problemi li niffaċċjaw. Qegħdin fit-triq it-tajba, madankollu, ma naħsibx li s-sitwazzjoni tjiebet biżżejjed għall-ġurnalisti li jagħmlu xogħol investigattiv.

Mingħajr dubju, il-ġurnalisti qed juru li tejbu l-kapaċitajiet investigattivi tagħhom fir-rigward tal-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus. Qed isiru aktar effettivi ma’ kull investigazzjoni kollaborattiva ġdida.

Il-Pandora Papers hija l-aktar waħda reċenti, li hija investigazzjoni verament effettiva u strutturata tajjeb. In-nies li ħadmu fuq din l-investigazzjoni għamlu biċċa xogħol mill-aqwa bi ftit li xejn riżorsi, iżda r-raġuni għala xogħolna ma sarx aktar faċli, fil-livell globali, hija minħabba li l-awtoritajiet tagħna qegħdin isibuha diffiċli biex ilaħħqu mal-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

Imxejna b’pass kajman biex niżviluppaw għodod ġodda fil-livell globali sabiex jintużaw għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni. Għaldaqstant, dan għadu jfisser li l-ġurnalisti li jippubblikaw evidenza u rapporti kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata huma esposti għal riskju serju.

Is-soċjetà ċivili kif tista’ tappoġġja l-ġurnalisti investigattivi?

L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li huma kbar ħafna u ffinanzjati sew huma f’pożizzjoni li jagħmlu xogħol investigattiv u jappoġġjaw il-ħidma ta’ ġurnalisti freelance fir-rigward ta’ ċerti investigazzjonijiet importanti.
L-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem qegħdin jitkellmu dwar il-ksur tad-dritt tal-libertà tal-espressjoni u dwar l-użu ta’ proċeduri legali intiżi biex isikktu lill-ġurnalisti.

Għalhekk, il-familja tiegħi rċeviet appoġġ kbir mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u kieku ma kienx għall-appoġġ tagħhom, ma konniex nagħmlu l-progress li ksibna s’issa fil-ġlieda għall-ġustizzja għal ommi.
Iżda jibqa’ l-fatt li dawn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jiddependu minn finanzjament mill-istituzzjonijiet u korpi Ewropej, minn ċittadini privati, minn sħubijiet mill-membri tagħhom eċċ.
L-NGOs huma mmaqdra u kkritikati. Huma stess jinsabu fil-mira. Għaldaqstant, jeħtieġ li nipproteġuhom ukoll.

X’tista’ tagħmel aktar l-Unjoni Ewropea biex turi l-impenn tagħha fil-konfront tal-libertà tal-istampa?

Nemmen li bil-bidla fit-tmexxija tal-Kummissjoni Ewropea, il-ġurnalisti u l-persuni li jaħdmu fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, id-difensuri tad-dritt tal-libertà tal-espressjoni, għandhom il-Kummissjoni bħala alleat, u l-Parlament Ewropew ukoll huwa alleat tagħna, li ftit ilu ħoloq premju ddedikat għal ommi, il-premju Daphne Caruana Galizia għall-Ġurnaliżmu.

Dan juri li waħda mill-aktar istituzzjonijiet importanti tal-UE tappoġġja l-ġurnaliżmu investigattiv, b’mod reali, effettiv u konkret.

Nemmen li l-istituzzjonijiet qegħdin jinżammu lura mill-Istati Membri tal-UE li, pereżempju, naqqsu milli jimplimentaw id-Direttiva dwar il-protezzjoni tal-informaturi u d-Direttivi dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus.
Uħud mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, pereżempju, ma għandhomx reġistri pubbliċi dwar is-sjieda tal-kumpaniji. Ċipru huwa wieħed minnhom. Dan jagħmilha aktar diffiċli għall-ġurnalisti biex jagħmlu xogħolhom.

Nixtieq verament nagħmel l-almu tiegħi biex naċċerta ruħi li ommi ma mititx għalxejn. Sinċerament, dan huwa l-motivatur ewlieni tiegħi, li nitgħallmu mill-qtil ta’ ommi, li ma terġax isseħħ l-istess ħaġa. Il-fatt li reġa’ kien hemm qtil ta’ ġurnalisti juri li għad baqa’ ħafna aktar xi jsir. Ján Kuciak inqatel, ġurnalist inqatel fil-Greċja, u ġurnalist ieħor inqatel fin-Netherlands. Għalhekk, għad baqa’ ħafna aktar xi jsir, iżda ninsabu fit-triq it-tajba. Jeħtieġ li nibqgħu naħdmu bla heda.