European Economic
and Social Committee
Sophia Wiegand: COP26 kienet ta diżappunt għaż-żgħażagħ, iżda għad hemm it-tama
KESE Info: Is-Summit COP26 fi Glasgow laħaq l-aspettattivi tal-ġenerazzjoni żagħżugħa, li b’mod attiv qed jitolbu soluzzjonijiet effettivi għall-ġlieda kontra t-tisħin globali?
Sophia Wiegand: M’hemmx dubbju li t-tweġiba hija le. Attivisti żgħażagħ favur il-klima draw ikunu diżappuntati mill-COPs matul dawn l-aħħar snin, iżda dan ma jżommniex milli nittamaw. Meta titqies l-attenzjoni immensa li ngħatat lill-COP26 u l-pressjoni tremenda mis-soċjetà ċivili mid-dinja kollha, ħafna minna kienu ottimistiċi li dan is-Summit jista’ sostanzjalment javvanza l-azzjoni klimatika lejn il-mira ta’ 1,5°C.
Wara l-COP26, madankollu, id-dinja xorta mixja lejn it-tisħin globali ta’ +2,4°C, minkejja l-enfażi li l-Patt Klimatiku ta’ Glasgow jpoġġi fuq il-mira ta’ 1.5°C. L-adattament, il-mitigazzjoni, u l-finanzi għat-telf u l-ħsara għall-aktar komunitajiet vulnerabbli għadhom neqsin bil-biljuni, iżda s-sussidji għall-fjuwils fossili li jagħmlu ħsara qed ikomplu jalimentaw l-isfruttament tan-nies u tal-pjaneta. U minkejja li l-Patt ta’ Glasgow għall-ewwel darba jindirizza l-ħtieġa li wieħed jitbiegħed mill-faħam, dan jitkellem biss dwar it-tnaqqis “gradwali” tiegħu minflok “kompletament” u jiftaħ lakuni serji għall-użu kontinwu tal-fjuwils fossili. Dawn ir-riżultati diżappuntanti ma jaqblux mal-kliem sabiħ li nstema waqt is-Summit, u dan wassal biex il-proċess kollu tal-COP jibqa’ bi problema serja ta’ kredibilità.
Ħafna żgħażagħ jinsabu rrabjati peress li qegħdin konxjament jitpoġġew f’riskju minħabba n-nuqqa ta’ azzjoni. L-istudji juru li l-kriżi klimatika se tesponi lill-biċċa l-kbira taż-żgħażagħ tal-lum għal mill-inqas periklu wieħed relatat mal-klima, bħal mewġiet ta’ sħana, ċikluni, tniġġis tal-arja, għargħar, jew skarsezza tal-ilma, u dan iżid ir-riskji ta’ dannu u ħsara għas-saħħa, migrazzjoni sfurzata mid-dar, nutrizzjoni inadegwata u qgħad. Hemm bżonn ta’ azzjoni ħafna aktar ambizzjuża u inklużiva biex jiġi prevenut diżastru imminenti għall-ġenerazzjoni żagħżugħa tal-lum.
Xi riżultati tal-COP26, bħall-kooperazzjoni li għadha kif ġiet stabbilita bejn iċ-Ċina u l-Istati Uniti tal-Amerka, l-akbar emittenti, u d-deċiżjoni li jiġu riveduti l-miri klimatiċi nazzjonali inadegwati fis-sena li ġejja, ċertament jikkostitwixxu passi fid-direzzjoni t-tajba. Iżda xejn mhuma biżżejjed biex jindirizzaw il-kriżi klimatika u jiġi protett il-futur tal-pjanetà tagħna u l-poplu tagħha.
Sophia Wiegand