European Economic
and Social Committee
Maurizio Mensi, l-Att dwar iċ-Ċipep: ma għandniex ninjoraw il-ħtiġijiet tal-industriji ajruspazjali u tad-difiża
Komponent essenzjali ta’ kwalunkwe prodott diġitali, is-semikondutturi huma vitali għall-industriji ajruspazjali u tad-difiża, minkejja li dawn tal-aħħar jammontaw biss għal madwar 1 % tas-suq globali taċ-ċipep.
Is-semikondutturi li l-industriji jeħtieġu jridu jkunu reżistenti, affidabbli u kapaċi jaħżnu data u informazzjoni f’sikurezza u sigurtà sħiħa. Għalkemm l-interruzzjonijiet tal-katina tal-provvista b’mod ġenerali jirrappreżentaw sfida ekonomika u potenzjalment soċjali, f’dawn is-setturi strateġiċi, in-nuqqasijiet isiru wkoll problema ta’ sigurtà.
L-Ewropa tiddependi fuq għadd żgħir ta’ fornituri barranin, u dan għandu implikazzjonijiet sinifikanti. L-Istati Uniti, iċ-Ċina u l-Korea t’Isfel qed jinvestu ammonti kbar. Il-Kummissjoni Ewropea, permezz tal-Att dwar iċ-Ċipep, beħsiebha tirdoppja l-produzzjoni fl-Ewropa, u b’hekk twassal għal sehem globali ta’ 20 % sal-2030, b’investiment totali ta’ madwar EUR 43 biljun.
Madankollu, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tiċċara s-sorsi ta’ dan il-finanzjament, peress li wħud minnhom jidhru li ġejjin minn ridistribuzzjoni ta’ somom diġà allokati fil-baġit għal oqsma ta’ prijorità oħrajn, bħall-ispazju, l-intelliġenza artifiċjali u ċ-ċibersigurtà, li m’għandhomx jiġu pperikolati. L-approprjazzjonijiet tal-Fond Ewropew għad-Difiża lanqas ma għandhom jitnaqqsu, minħabba li r-riżorsi disponibbli diġà huma limitati. F’kuntest ta’ tensjonijiet ġeopolitiċi li qed jikbru, l-iżgurar li s-setturi tad-difiża u tal-ajruspazju jkollhom appoġġ finanzjarju adegwat huwa kruċjalil għall-Att dwar iċ-Ċipep.
Nissuġġerixxu wkoll li l-Att dwar iċ-Ċipep għandu jiffoka fuq l-innovazzjoni u jippromoviha mhux biss fil-qasam tas-semikondutturi żgħar, iżda wkoll f’dawk akbar, li għadhom jintużaw ħafna fl-industriji ajruspazjali u tad-difiża.
L-iżvilupp ta’ proċeduri ta’ ċertifikazzjoni huwa wkoll fundamentali għal dawn iż-żewġ setturi. Pereżempju, hemm il-ħtieġa li jiġi appoġġjat l-iżvilupp ta’ standards komuni fil-qasam militari u ċivili, bħala parti mill-istrateġija Ewropea għall-istandardizzazzjoni.
Kwistjoni li għandha tiġi indirizzata mingħajr dewmien hija ċ-ċertezza legali fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, fejn jiġu indikati, fil-livell tal-UE, il-kriterji għall-awtorizzazzjoni ta’ kwalunkwe miżura ta’ appoġġ u s-semplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi fil-livell nazzjonali.
Hemm il-ħtieġa wkoll li tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-pajjiżi alleati bħall-Istati Uniti permezz tal-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija bejn l-UE u l-Istati Uniti. Fil-qosor, l-ekosistema globali tas-semikondutturi fis-setturi tad-difiża u tal-ajruspazju hija kumplessa u interdipendenti ħafna. Huwa biss permezz tal-isfruttar tal-punti b’saħħithom u l-iżvilupp ta’ strateġiji kkoordinati li jkun possibbli li tiġi evitata d-duplikazzjoni u tiżdied l-effiċjenza fis-sistema kollha.
Maurizio Mensi, Membru tal-KESE