European Economic
and Social Committee
Olga Chaiko: Ninsabu f’sitwazzjoni li se tieħu fit-tul.
Ġurnata fost l-oħrajn tqum u ssib pajjiżek fi gwerra.
Id-dinja qed titfarrak; tipprova tirraġuna bis-sens ma’ qrabatek fir-Russja, iżda l-propaganda u l-biża’ jidhru li affetwawlhom l-abbiltà li jaħsbu b’mod loġiku. Tirrealizza li ħajjet l-Ukreni kollha qed tinbidel drastikament, inkluża tagħna l-ġurnalisti, minħabba li issa qed inqisu lilna nfusna, għall-inqas sa ċertu punt, suldati.
Dan kollu beda tmien snin ilu, meta r-Russja invadiet għall-ewwel darba lill-Ukrajna. Bejn l-2014 u l-2018, il-pajjiż kollu flimkien mal-istampa għaddew minn żminijiet diffiċli, hekk kif il-Kremlin uża propaganda biex jiġġustifika għemilu b’diversi modi, billi għajjar lill-Ukreni Nazisti u kkonvinċa lir-Russi li l-popli ta’ Donbas u l-Krimea kellhom bżonn il-protezzjoni tagħhom.
Wara, madankollu, is-sitwazzjoni stabbilizzat xi ftit. B’segwitu għar-Rivoluzzjoni tad-Dinjità (2013-2014), il-ġurnalisti gawdew il-libertà tal-espressjoni. Kien sar ferm aktar faċli li jiġu organizzati intervisti, il-politiċi ma baqgħux jevitaw l-istampa, u l-mezzi tax-xandir qatt ma immaġinaw, pereżempju, li l-iffilmjar ta’ xi post biex iservi ta’ "establishing shot" – kemm jekk stazzjon tal-ferrovija jew tal-metro, jew saħansitra pont – seta’ jpoġġi lill-pajjiż f’riskju.
Madankollu, is-soċjetà Ukrena kienet qed tistenna invażjoni fuq skala kbira mir-Russja mill-inqas minn Diċembru 2021. Kien hemm diversi sinjali li kienet riesqa: ir-retorika u l-propaganda min-naħa tar-Russja bdew jiħraxu, l-ambaxxati barranin minn Kiev sa Lviv bdew jiġu evakwati, u ċ-ċittadini barranin bdew jiġu mħeġġa bil-qawwa biex jitilqu mill-Ukrajna bi kwalunkwe mezz possibbli. Il-president u l-gvern tal-Ukrajna kienu evażivi fit-tweġibiet tagħhom fir-rigward tal-possbbiltà ta’ gwerra, u għalhekk stajna biss inbassru meta kien se jasal l-ewwel attakk fuq skala kbira.
Wara d-diskors ta’ Putin lir-Russja fit-22 ta’ Frar, id-diversi twissijiet ta’ Joe Biden lill-Amerikani u lill-Ukreni, u l-wasla tal-għajnuna militari, kien ċar li din setgħet tibda minn jum għal ieħor. Madankollu, meta bdiet tabilħaqq, fl-24 ta’ Frar, konna diżappuntati. Hekk kif smajna l-ħoss tal-isplużjonijiet fil-pajjiż kollu u n-nies bdew jaħarbu minn Kiev u minn bliet u rħula oħrajn, irrealizzajna li l-gwerra hija traġedja li ħadd ma jista’ jkun kompletament lest għaliha. Fl-ewwel ġurnata l-midja ppruvat tiġbed filmati ta' kollox, għax ħasbet li l-gwerra kienet se tintemm f’qasir żmien, iżda nibtu wkoll dubji li konna se nesperjenzawha fit-tul.
L-istampa Ukrena għandha l-esperjenza fil-kopertura ta’ operazzjonijiet antiterroristiċi. Grupp ġmielu ta’ korrispondenti diġà kellu esperjenzi fuq il-front f’Donbas. Lejn tmiem l-2016, il-Ministeru tad-Difiża organizza taħriġ għall-ġurnalisti li xtaqu jkunu akkreditati fiż-żona tal-gwerra, billi pprovda informazzjoni dwar il-forzi militari tagħna u tagħlim dwar il-prinċipji tal-mediċina tattika. Il-ġurnalisti kellhom isegwu regoli stretti, pereżempju jilbsu tagħmir protettiv bħal ġkieket u elmi kontra l-balal, u ngħataw għarfien dwar x’għandhom jagħmlu jekk jinqabdu f’bumbardament. Huma kellhom jikkoordinaw lilhom infushom mal-uffiċjali tal-istampa tal-Ministeru tad-Difiża u jinfurmawhom ta’ kuljum dwar ir-rotta li jieħdu fuq il-front. Ma setgħux juru l-lok tal-militar tagħna. Xi ġellieda kienu jitolbu li wiċċhom jew it-tatwaġġi tagħhom jiġu mċajpra fuq il-filmati sabiex ma jiġux identifikati mill-għadu. L-għadd ta’ mwiet fil-militar kellu jittieħed biss minn sorsi uffiċjali affidabbli. Sirna noqogħdu aktar attenti meta nintervistaw il-popolazzjoni lokali, peress li ħafna nies fil-bliet u l-irħula fuq il-front kellhom qraba fit-territorji okkupati u beżgħu mir-ritaljazzjoni mill-kważi-repubbliki tar-Repubblika tal-Poplu ta’ Donetsk (DNR) u r-Repubblika tal-Poplu ta’ Luhansk (LNR).
Mill-24 ta’ Frar 2022 ’il hawn, dawn saru r-regoli għall-ġurnalisti Ukreni kollha. Irridu nieħdu aktar ħsieb ta’ dawk li jikkondividu l-esperjenzi tagħhom. Ħafna drabi, in-nies f’territorji meħlusin jibdew jibku jew jirrakkontawlna stejjer li qatt ma tkellmu dwarhom qabel il-gwerra. Għalhekk irid ikollna għarfien kif nitkellmu man-nies mingħajr ma nżidu t-tensjoni.
Irridu naħsbuha mhux biss darbtejn, iżda tlieta, erba’, saħansitra għaxar darbiet qabel ma nuru xi ħaġa, mingħajr ma ninħakmu mill-paranojja jew naqgħu fl-awtoċensura. Irridu nżommu f’moħħna li għaddejna minn diversi rivoluzzjonijiet Ukreni biex niżguraw il-libertà tal-espressjoni, u ma għandna qatt nitilfuha.
Madankollu, il-libertà tal-espressjoni għandha dejjem tkun akkumpanjata bl-ogħla responsabbiltà. Ippermettuli nagħtikom eżempju. F’dawk il-ġranet bikrin, meta r-Russja bbumbardjat bla heda lill-Ukrajna, kellna tentazzjoni qawwija li nuru t-traġedja u l-uġigħ tan-nies mingħajr filtri – nittrażmettuh kważi f’ħin reali, bix-xandiriet diretti tradizzjonali li l-udjenza tagħna kienet qed tistenna. Iżda konna sorpriżi b’mod negattiv għax tgħallimna li l-għadu seta’ juża l-filmati tagħna biex jaġġusta d-direzzjoni tal-isparar tiegħu! Issa sirna nevitaw li nirrappurtaw minn fuq il-post għal diversi sigħat. Limitazzjonijiet oħrajn jinkludu projbizzjoni fuq l-iffilmjar tal-moviment tat-tagħmir militari u tas-suldati fuq il-block-posts.
Is-suġġetti li nkopru nbidlu drastikament. Il-gwerra u l-konsegwenzi tagħha jinsabu f’kull storja. Nirrapurtaw dwar l-evakwazzjoni, il-qerda u dwar il-bliet prefabbrikati li qed jieħdu post id-djar lussużi u ordinarji li r-Russja għamlet ħerba minnhom. Aħna nitkellmu mal-ġellieda, l-eroj li appoġġjaw l-armata tagħna, u l-ġirien tagħhom, minkejja l-okkupazzjoni; ngħinu lill-voluntiera jiġbru l-flus għall-forzi armati tagħna u għall-mediċina tattika. Aħna esperti fil-proċessi tat-tneħħija tal-mini, iżda ħafna drabi ma nistgħux niftakru liema ġurnata tal-ġimgħa jew xahar ikun. Ninsabu f’sitwazzjoni li se tieħu fit-tul.
Xogħolna sar sors ta’ stress kostanti, test tas-saħħa fiżika u mentali tagħna. L-istazzjonijiet televiżivi tagħna (ICTV u STB) waqqfu studjo f’xelter biex ixandru bla waqfien għal sitt sigħat – is-slott tagħna fit-TV United News Marathon imwaqqaf mill-Ministeru tal-Kultura u l-Informazzjoni, li jiġbor flimkien sitt stazzjonijiet televiżivi (kemm statali kif ukoll privati) biex jiġi żgurat xandir kontinwu fiż-żmien tal-gwerra.
L-Ukrajna ilha tipprova tiġġieled l-aħbarijiet foloz għal mill-inqas tmien snin. Wara ħafna snin, aħna l-ġurnalisti nistgħu faċilment nagħrfu kontribut Russu minħabba li sirna esperti biex nifhmu l-propaganda Russa. Aħna niċċekkjaw il-parti l-kbira tar-rapporti tal-aħbarijiet ma’ sorsi affidabbli, uffiċjali responsabbli li prinċipalment joriġinaw mis-soċjetà ċivili Ukrena. Nitkellmu wkoll ma’ esperti f’ħafna oqsma tal-ħajja Ukrena. Niċċekkjaw għal darba darbtejn ir-rapporti tal-aħbarijiet ma’ siti web uffiċjali, paġni tal-midja soċjali u, naturalment, man-nies li nitkellmu dwarhom.
Il-kanali Russi jew pro-Russi mhumiex qed jixxandru f’pajjiżna. Is-siti web tagħhom jistgħu jiġu aċċessati biss permezz ta’ konnessjoni VPN (ħlief dawk uffiċjali). Għadna nistgħu nimmonitorjaw il-kanali Russi tat-Telegram – dawn jistgħu jiġu aċċessati faċilment u, naturalment, sa ċertu punt għandhom impatt fuq il-popolazzjoni tal-Ukrajna, iżda l-gvern tagħna u l-Kunsill tas-Sigurtà u d-Difiża Nazzjonali għamlu l-almu tagħhom biex ixerrdu informazzjoni veritiera fost it-telespettaturi u l-qarrejja.
United Marathon jixxandar fuq mill-inqas 10 kanali u jista’ jiġi aċċessat permezz tal-ismartphone permezz tal-applikazzjoni DIYA. L-Istat jibgħat twissijiet permezz ta’ diversi kanali u midja soċjali, għalkemm hemm ħafna problemi fit-territorji okkupati, li huma maqtugħin mill-konnessjonijiet tagħna tal-internet u dik ċellulari.
Hemm problema oħra li hija komuni għall-Istati post-Sovjetiċi kollha. In-nies ma jafdawx l-aħbarijiet televiżivi. Huma jiftakru kif l-istampa ġiet iċċensurata fi żminijiet Sovjetiċi u ħafna drabi jgħidu li din hija manipulata. Dan huwa tajjeb min-naħa waħda, minħabba li jħeġġiġhom ifittxu u jqabblu informazzjoni minn sorsi differenti biex jiffurmaw l-opinjoni tagħhom stess. Nifhmu li l-ġirien tagħna, il-poplu Russu u dak Belarussu, kellhom wisq fiduċja fl-informazzjoni uffiċjali u tilfu l-kapaċità li jaħsbu b’mod kritiku. Huwa għalhekk li d-demokrazija u l-libertà tal-ħsieb huma wieħed mill-punti b’saħħithom tat-telespettaturi, il-qarrejja u l-ġurnalisti Ukreni.
Olga Chaiko, ġurnalista Ukrena fil-programm tal-aħbarijiet “Fakty”, ICTV, SLM News