Fil-plenarja tiegħu ta’ Ġunju, il-KESE adotta rapport ta’ informazzjoni dwarir-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Makkinarju. Il-membri tal-KESE laqgħu l-isforzi attwali tal-Kummissjoni biex ittejjeb il-prestazzjoni tad-Direttiva 2006/42/KE, li hija strument importanti ħafna u li rnexxa għall-industrija Ewropea, filwaqt li nnota li bidliet radikali għad-Direttiva joħolqu impatt negattiv ħafna u jridu jiġu evitati.

"L-approċċ bażiku u l-arkitettura tad-Direttiva għandhom jibqgħu l-istess", saħaq Aurel Laurenţiu Plosceanu, relatur għar-rapport. “Irrakkomandajna wkoll li l-Kummissjoni tqis in-nuqqas kroniku ta’ persunal, in-nuqqas ta’ finanzjament u l-prestazzjoni fqira tal-ispezzjonijiet u l-kontrolli tal-makkinarju fil-maġġoranza tal-Istati Membri. Nistednuhom jgħaddu mill-kliem għall-fatti," temm jgħid.

Il-korelatur, Enrico Gibellieri, qal li d-Direttiva hija importanti għas-suq uniku peress li tiżgura s-sikurezza tal-komponenti: "Irridu niżguraw li qed nipproteġu l-interessi tal-konsumatur, irridu nkunu nistgħu ntejbu dan il-makkinarju b’mod kontinwu u niżguraw li dejjem ikun hemm protezzjoni aħjar għall-ħaddiema".

Biex jaġġorna d-Direttiva dwar il-Makkinarju, id-DĠ għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs nieda konsultazzjoni pubblika f’Ġunju 2019. Il-leġislazzjoni hija skedata għall-adozzjoni matul l-ewwel tliet xhur tal-2021. (ks)