European Economic
and Social Committee
L-aspettattivi huma għoljin hekk kif il-Ġermanja tieħu f'idejha l-Presidenza tal-UE
Fl-1 ta’ Lulju l-Ġermanja ħadet it-tmun tal-Kunsill tal-UE mill-Kroazja għal dik li x’aktarx se tkun l-aktar presidenza impenjattiva tagħha s’issa, bl-Ewropa tiffaċċja l-akbar kriżi ekonomika, soċjali u tas-saħħa fl-istorja moderna tagħha.
Il-Ġermanja, li ser tieħu f’idejha l-presidenza għat-13-il darba mill-iffirmar tat-Trattati ta’ Ruma fl-1957, diġà ħabbret li l-programm tagħha se tiffoka direttament fuq it-tegħlib tal-pandemija tal-COVID-19 u fuq it-tiswir tal-irkupru ekonomiku tal-UE, kif ukoll fuq l-infurzar tal-koeżjoni soċjali tal-Ewropa.
Il-prijoritajiet tal-presidenza tagħha – li l-motto tagħha se tkun “Flimkien għall-irkupru tal-Ewropa” – ġew ippreżentati fil-plenarja tal-KESE mill-Ministru Federal Ġermaniż għall-Affarijiet Ekonomiċi u l-Enerġija, Peter Altmaier.
Il-ministru Ġermaniż qal lill-plenarja li “Nirrealizzaw li nistgħu niġġieldu din il-pandemija b’mod effettiv biss jekk naħdmu flimkien. Nistgħu nittamaw li nkunu ta’ suċċess biss jekk l-UE u l-Istati Membri tagħha jibqgħu magħqudin, jekk nuru solidarjetà lejn dawk l-aktar dgħajfa, jekk nirrifjutaw li nħallu lilna nfusna niġu maqsuma. Din hija r-raġuni għaliex il-kriżi hija l-prijorità ewlenija tagħna. Irridu niżguraw li se jkun hemm solidarjetà reali għaċ-ċittadini tagħna u li jkunu jistgħu jarawha u jħossuha huma stess.”
L-adozzjoni malajr ta’ Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) aġġornat u ambizzjuż u l-Pjan ta’ Rkupru Next Generation proposti mill-Kummissjoni bħala reazzjoni għall-impatt negattiv soċjali u ekonomiku tal-pandemija għandha tkun l-ewwel pass f’din id-direzzjoni, qal is-Sur Altamaier.
Apparti min-negozjati dwar il-QFP, il-Ġermanja hija mistennija tindirizza wkoll kwistjonijiet urġenti oħrajn, bħall-protezzjoni tal-klima, il-Patt Ekoloġiku Ewropew, it-trasformazzjoni diġitali, l-istat tad-dritt u r-rwol tal-Ewropa fid-dinja. Ir-relazzjoni futura tal-UE mar-Renju Unit għandha tiġi determinata wkoll matul il-mandat Ġermaniż.
Il-KESE huwa lest jikkontribwixxi għall-ħidma tal-presidenza Ġermaniża u li jiżgura li l-vuċi tas-soċjetà ċivili tal-Ewropa tinstema’ matul dawn iż-żminijiet drammatiċi u kruċjali għall-Ewropa u l-ġejjieni tagħha.
“Il-KESE huwa lest jgħin biex jissawwar u jiġi implimentat il-pjan ta’ rkupru Next Generation EU li se jmexxina minn din il-kriżi devastanti filwaqt li jsaħħaħ il-proġett Ewropew. Aħna nibqgħu impenjati lejn il-ħidma tal-Presidenza Ġermaniża, fit-tmun ta’ Ewropa li se tiġi f’tagħha u tipproteġi flimkien filwaqt li titnieda mill-ġdid Ewropa msejsa fuq is-solidarjetà, is-sens intraprenditorjali u s-sostenibbiltà għal rEUnaissance ġdida”, qal il-president tal-KESE Luca Jahier.
Il-KESE diġà ntalab jħejji 10 Opinjonijiet dwar suġġetti li jinkludu l-ekonomija tal-pjattaformi, il-ktajjen ta’ provvista sostenibbli u x-xogħol deċenti fil-kummerċ internazzjonali, l-intrapriżi soċjali mingħajr skop ta’ qligħ u l-potenzjal tagħhom għal Ewropa soċjalment ekwa, id-diġitalizzazzjoni u s-sostenibbiltà, u ħafna oħrajn.
Il-KESE esprima s-sodisfazzjon tiegħu dwar il-fatt li waħda mill-prijoritajiet tal-presidenza Ġermaniża hija li tilħaq ftehm dwar il-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa, li fiha l-KESE huwa mistenni jaqdi rwol strateġiku u ċentrali.
Tista’ ssir taf aktar dwar il-kooperazzjoni tal-KESE mal-presidenza Ġermaniża f’fuljett li għadu kemm ġie ppubblikat