European Economic
and Social Committee
L-ekonomija, l-ambjent u l-benesseri tan-nies għandhom jimxu id f'id fl-UE wara l-COVID
Il-prosperità ekonomika, il-kura tal-ambjent u l-benesseri tan-nies jistgħu u għandhom jimxu id f’id. Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-President tal-KESE, Christa Schweng, fid-dibattitu dwar “L-ekonomija wara l-COVID għal kulħadd – Lejn ekonomija ta’ benesseri?”, waqt is-sessjoni plenarja tal-KESE fis-7 ta’ Lulju 2021.
Is-Sinjura Schweng qalet li fil-futur jidher ċar li se jkollna bżonn nissorveljaw u napprezzaw aspetti oħrajn minbarra dwak riflessi fil-PDG: "Aspetti bħal saħħitna, in-natura tagħna, l-edukazzjoni tagħna, il-kapaċità tagħna ta’ innovazzjoni, u l-importanza tal-komunitajiet tagħna."
B’referenza għal “kombinament tal-idea ta’ prosperità mal-possibbiltà ta’ progress soċjali fuq skala dinjija”, bl-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli 2030 bħala l-pedament, is-Sinjura Schweng żiedet tgħid: “Wasal iż-żmien biex l-UE taħdem fuq strateġija komprensiva: il-KESE jinsab lest joffri l-appoġġ għar-riflessjoni dwar il-pedamenti għall-ekonomija ta’ wara l-COVID, ekonomija li hi tajba għal kulħadd u tinkludi indikaturi ġodda tal-prestazzjoni ekonomika u l-progress soċjali li jistgħu jagħtu stampa komprensiva tal-benesseri tan-nies.”
Peter Schmidt, president tas-Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent (NAT) u relatur għall-Opinjoni dwar L-ekonomija sostenibbli li neħtieġu, irrimarka li ekonomija ta’ benesseri hija bbażata fuq servizz liċ-ċittadini u li l-UE għandha taħtaf l-opportunità li ġabet magħha l-pandemija biex tirrifletti dwar id-dgħufijiet tagħna u tressaq proposti. (mp)