Il-Kumitat ta’ Segwitu tal-KESE dwar ir-Relazzjonijiet Trans-Atlantiċi ltaqa’ ftit jiem qabel is-summit ta’ livell għoli bejn l-UE u l-Istati Uniti sabiex jiddiskuti firxa wiesgħa ta’ suġġetti ta’ importanza għas-soċjetà ċivili, l-ewwel u qabel kollox dwar it-tibdil fil-klima u l-kummerċ.

“Sinjali inkoraġġanti f’kull aspett ġejjin miż-żewġ naħat tal-Atlantiku”, qal Christian Moos, President tal-Kumitat ta’ Segwitu tal-KESE dwar ir-Relazzjonijiet Trans-Atlantiċi.

David Livingston, konsulent ta’ livell għoli għall-Mibgħut Speċjali Presidenzjali tal-Istati Uniti għall-Klima John Kerry, ikkonferma li l-amministrazzjoni attwali issa tinsab impenjata bis-sħiħ sabiex jintlaħqu, iżda wkoll li jmorru lil hinn, l-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi. “Mhux se jkun aċċettabbli”, huwa sostna, “li l-pajjiżi atturi ewlenin jħallu li tintemm is-sena 2021 mingħajr ma jkun hemm aġġornamenti sostanzjali għall-kontributi stabbilit fil-livell nazzjonali tagħhom, li huma fil-qalba tal-Ftehim ta’ Pariġi”.

“Il-parteċipazzjoni attiva tas-soċjetà ċivili fl-Istati Uniti flimkien mal-UE u ma’ pajjiżi oħra ppermettiet lill-Istati Uniti jżommu l-involviment, minkejja n-nuqqas ta’ impenn mill-amministrazzjoni preċedenti”, innotat Elina Bardram, mid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għall-Azzjoni Klimatika (DĠ CLIMA).

Emilie Bel mill-Kunsill Atlantika enfasizzat li l-Ewropej huma lesti li jibnu aġenda kummerċjali pożittiva, iżda fuq bażi bilanċjata b’mod ugwali.

Marjorie Chorlins mill-Kamra tal-Kummerċ tal-Istati Uniti, affermat li, minkejja t-turbulenza politika trans-Atlantika u r-reċessjoni kkawżata mill-COVID-19, l-Istati Uniti u l-Ewropa baqgħu s-swieq l-aktar importanti ta’ xulxin. Ir-rapport Transatlantic Economy 2021 (Ekonomija Trans-Atlantika 2021), li għadu kif ġie ppubblikat, juri li ż-żewġ msieħba jirrappreżentaw perċentwali sostanzjali tal-konsum globali u tal-PDG globali. 

Tanja Buzek, il-President tal-Kumitat ta’ Segwitu tal-KESE dwar il-Kummerċ Internazzjonali, enfasizzat l-importanza tal-involviment tas-soċjetà ċivili għal politika kummerċjali trasparenti u l-ħtieġa għal koalizjonijiet b’saħħithom sabiex tiġi riformata l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. (at)