European Economic
and Social Committee
Bini effiċjenti fl-enerġija se jgħin fil-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku
Fis-sessjoni plenarja tiegħu ta’ Marzu, il-KESE adotta Opinjoni dwar ir-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija (EPBD). Huwa laqa’ l-fatt li l-proposta l-ġdida tal-Kummissjoni tqis il-kwistjonijiet enfasizzati f’Opinjonijiet preċedenti tal-KESE.
Huwa u jikkummenta dwar l-adozzjoni tad-dokument, ir-relatur Mordechaj Martin Salamon qal li “il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon kbir l-approċċ tal-UE għaliex isaħħaħ ir-rinnovazzjoni, partikolarment tal-bini bl-agħar rendiment, u jwitti t-triq għall-Unjoni Ewropea lejn tisħin u tkessiħ dekarbonizzati: miżuri fil-livell tal-UE huma aktar effiċjent biex iħaffu t-tranżizzjoni neċessarja.”
Id-Direttiva aġġornata dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija għandha l-għan li tgħin biex jintlaħaq ambjent mibni effiċjenti fl-enerġija, ta’ kwalità għolja u kompletament ħieles mill-fossili, u tipprovdi l-għodod biex jiġi indirizzat b’mod effettiv il-faqar fl-enerġija u tiġi rimedjata s-sitwazzjoni ta’ nuqqas strutturali għal żmien twil ta’ investiment fil-kostruzzjoni.
Iż-żidiet qawwija reċenti fil-prezzijiet għall-enerġija u l-prospettiva ta’ prezzijiet għoljin għallinqas għal żmien medju wrew li huwa saħansitra aktar importanti minn qatt qabel li tiġi stabbilita strateġija biex ittaffi u telimina l-faqar enerġetiku.
Fl-2018, 6.8% tan-nies madwar l-UE (madwar 30.3 miljun) ma setgħux ilaħħqu mal-kontijiet tal-utilitajiet, u għalhekk kienu f’riskju li jkollhom il-provvista tagħhom maqtugħa; żviluppi reċenti aggravaw din il-problema.
Biex tiżgura akkomodazzjoni deċenti, affordabbli u tajba għas-saħħa għal kulħadd, l-UE għandha timplimenta miżuri fit-tul biex ittejjeb l-effiċjenza enerġetika tal-bini, inkluża t-tneħħija sikura tal-asbestos. Dan huwa aktar u aktar urġenti minħabba li t-tisħin u t-tkessiħ ibbażati fuq il-fjuwils fossili se jsiru aktar għaljin bl-ispejjeż dejjem jiżdiedu tal-kwoti tas-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (EU ETS). (mp)